BirLife Malta qalet li ġew sparati tiri fuq Astun Iswed, tajra tal-priża protetta.
It-tajra kienet fi triqitha lejn l-Afrika u kienet qed tuża lil Malta bħala waqfa qasira qabel tkompli l-vjaġġ fin-Nofsinhar meta persuna mhux magħrufa sparat fuq waħda mill-ġwienaħ tat-tajra.
It-tir wassal biex it-tajra spiċċat fil-baħar f’Xrobb l-Għaġin fil-limiti ta’ Marsaskala. U filfatt, kien raġel ta’ nazzjonalità Taljana li sab it-tajra fi tbatija fuq ix-xatt, wara li aktarx iddaħħlet bil-mewġ.
Fuq Facebook, BirdLife Malta qalet li fortunatament, l-Astun Iswed jista’ jirkupra, u se tkun qed taġġorna lill-pubbliku bir-riżultat tar-rijabilitazzjoni.
BirdLife Malta fakkret li huwa llegali li ssir kaċċa għal din it-tip ta’ tajra u wieħed jista’ jeħel multa ta’ €5,000 jekk jinqabad.
Fakkret li din hija t-tieni darba f’ġimgħa li ġew sparati tiri fuq tajra tal-priża wara li aktar kmieni matul il-ġimgħa nstabet Kuċċarda b’xejn inqas minn 10 pritkuni mfirxuha ma’ ġisimha kollu.