Il-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN Chris Said qal li bħala Kap tal-PN, hu se jwaqqaf sistema ta’ customer care f’kull belt u raħal f’Malta. Dan biex, mill-Oppożizzjoni, il-PN ikun ta’ servizz għal min ifittex l-għajnuna.
Fi stqarrija, Chris Said qal li b’customer care effettiva, nifhmu aħjar il-ħtiġijiet tan-nies, ikollna kuntatt dirett il-ħin kollu, u fil-PN terġa’ tidħol il-kultura li magħna tista’ tasal.
Chris Said qal li fl-aħħar snin, ħafna waslu għall-konklużjoni li ma’ Gvern tal-PN ma tasalx, jintilef f’ħafna burokrazija u skużi biex dak li hu tiegħek jew tispiċċa ma tieħdu jew inkella taqta’ qalbek biex tieħdu.
Hu qal li din hi l-mentalita’ li bħala Kap tal-PN irid jiġġieled u jġib fi tmiemha. Chris Said qal li ma jistax ikun li bniedem imur quddiem Ministru jew dipartiment tal-Gvern u ħlief intoppi u elf skuża ma jsibx.
Chris Said qal li hu għalhekk li bħala Kap tal-PN, idaħħal sistema b’saħħitha ta’ customer care, li tkun waħda professjonali għax minnha nfisha ddaħħal kultura fejn bniedem tgħinu u mhux tagħmillu ħajtu diffiċli għalxejn.
Hu qal li filwaqt li dak li mhux tiegħek, m’għandekx dritt tieħdu, iżda dak li hu tiegħek u dak li, b’sens komun, u b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet jista’ jiġi indirizzat, għandu jingħatalek mingħajr terturi żejda.
Chris Said tenna li l-esperjenza fil-politika għallmitu li l-politika qiegħda hemm biex tagħmel il-ħajja tan-nies aħjar u mhux biex idejjaqhom, tiffrustrahom u tagħmilhom ħajjithom diffiċli.
//= $special ?>