Elezzjoni Kap PN Lokali

“Aħna stess qed ngħinu biex neqirdu lilna nfusna” – Frank Portelli

“Aħna stess qed ngħinu biex neqirdu lilna nfusna”. Qal dan il-kandidat għal Kap tal-PN Frank Portelli meta tkellem dwar il-qasam ambjentali.

Frank Portelli qal li Malta għandha ħafna xemx, imma fl-istess ħin għandha ħafna tniġġiż ġej mill-powerstations, mill-karozzi u minn gassijiet oħra li jġibu l-ażma u l-kanċer.

Kien hawnekk fejn Frank Portelli qal li hu tal-idea li f’Malta jsir investiment qawwi f’karozzi elettriċi.

“L-idea tagħna trid tkun, l-idea tiegħi, żgur, illi aħna mmorru electric. Fl-ewwel ħames snin inneħħu nofs il-karozzi li hawn hawn Malta li qed iħammġu u jniġġsu l-ambjent. Electric cars hawn Malta jista’ jkollhom vantaġġ kbir, għax tuża l-body tagħhom u s-saqaf tagħhom bħala solar panel biex jiċċarċja l-batteriji, u b’hekk inkunu in a win win situation. Imbagħad niġu sunny Malta.”

Il-kandidat għal Kap tal-PN qal li minflok ninvestu f’enerġija ġejja mix-xemx, qed nispiċċaw inġibu f’Malta iktar karozzi second hand li jkunu jridu jeħilsu minnhom pajjiżi oħra bħal Ġappun u l-Ingilterra.