Futbol Sport

Arsenal jirbħu l-Community Shield

Arsene Wenger jgħolli l-Community Shield ma' Petr Cech (Ritratt: EPA)

Arsenal bdew l-istaġun fuq nota pożittiva meta għelbu lil Chelsea bl-għoti tal-penalties, wara li l-logħba fil-ħin regolamentari spiċċat 1-1, biex il-Gunners rebħu l-Community Shield.

Arsenal marru viċin li jiftħu l-iskor wara 21 minuta, iżda x-xutt ta’ Alexandre Lacazette ħabat mal-wieqfa. Chelsea marru minn fuq fil-bidu tat-tieni taqsima, meta daqqa ta’ ras ta’ Cahill spiċċat fid-direzzjoni ta’ Victor Moses li minn quddiem Petr Cech ma żbaljax.

Iżda wara li tkeċċa Pedro Rodrigues għal Chelsea, Arsenal ġabu d-draw fil-81 minuta meta minn free-kick, daħal tajjeb Sean Kolasinac li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Courtois, bil-logħba kellha tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties.

Is-sekwenza kienet differenti mis-soltu. Gary Cahill skorja għal Chelsea filwaqt li Theo Walcott u Nacho Monreal skorjaw iż-żewġ penalties konsekuttivi ta’ Arsenal.

Il-gowlkiper Thibaut Courtois spara għoli, biex l-akkwist il-ġdid Alvaro Morata falla wkoll il-penalty tiegħu. Arsenal kien imisshom żewġ penalties oħra, b’Alex Oxlade Chamberlain jiskorja t-tielet penalty, bl-attakkant Olivier Giroud jagħlaq il-logħba.