Futbol Sport

Aubameyang jikkonferma li se jibqa’ ma’ Borussia Dortmund

Pierre-Emerick Aubameyang iqabbeż fuq il-gowlkiper ta' Bayern Sven Ulreich waqt is-Super Cup Ġermaniża (Ritratt: EPA)

Pierre-Emerick Aubameyang ikkonferma li kellu offerti biex jitlaq lil Borussia Dortmund dan is-sajf, iżda ddeċieda li se jibqa’ mal-klabb Ġermaniż. L-attakkant li skorja fis-Super Cup Ġermaniża s-Sibt li għadda, kien suġġett ta’ spekulazzjoni dwar possibbiltà li jingħaqad ma’ klabb Ċiniż, Chelsea, Manchester City kif ukoll Milan.

“Hu very li tkellimt mal-klabb qabel ma mort għal vaganzi. Jien għidtilhom il-ħsibijiet tiegħi, li forsi kont lest li nipprova xi ħaġa different. Kont miftuħ u ġust mad-direttur tal-klabb Michael Zorc u l-kap eżekuttiv Hans-Joachin Watzke. Iżda l-ebda klabb li riedni ma għamel dan possibbli. Għalhekk se nibqa’ ma’ Borussia Dortmund, għaliex inħossni qiegħed f’dari f’Dortmund,” qal Aubameyang.

Rapporti fil-media internazzjonali qalu li t-tim tas-Super League Ċiniża Tianjin Quanjian għamlu offerta għall-attakkant ta’ 28 sena, u l-internazzjonali tal-Gabon qal li ċ-Ċina kienet għażla, għaliex minħabba l-ammont ta’ flus offruti, hi normali wieħed jaħseb fuq l-offerta.

Hu żied jgħid li ħafna nies jgħidu li ma tistax tmur iċ-Ċina għaliex ikun pass lura, iżda sostna li wieħed jaħsibha meta jirċievi offerta kbira, iżda qal li l-istrutturi għadhom mhux professjonali daqs l-Ewropa.