Żewġ turisti Ċiniżi kienu arrestati f’Berlin, il-kapitali Ġermaniża, wara li huma taw is-salut Nażista (li kien jissimbolizza devozzjoni għall-eksdittatur Adolf Hitler) barra l-bini tal-Parlament.
Iż-żewġ irġiel Ċiniżi ntlemħu waqt li huma kienu qed jieħdu r-ritratti ta’ xulxin bit-telefon ċellulari qrib ir-Reichstag li jinkorpora lill-Parlament tal-Ġermanja.
Intant, bdew il-proċeduri kriminali kontra t-turisti ‘talli huma użaw is-simboli ta’ organizzazzjoni projbita u illegali’. Dan meta ż-żewġ Ċiniżi ngħataw il-libertà proviżorja fuq pledge ta’ 500 ewro kull wieħed.
Il-Ġermanja għandha l-liġijiet stretti dwar diskorsi u simboli ta’ mibgħeda u b’mod partikulari fir-rigward tas-simboli marbuta ma’ Adolf Hitler u n-Nażisti.
It-turisti Ċiniżi inkwistjoni, skont il-pulizija, jistgħu, ‘il quddiem, jeħlu multa inkella sentenza massima ta’ tliet snin priġunerija.
L-akkużi li tressqu fil-konfront taż-żewġ irġiel, huma simili għal dawk li l-awtoritajiet Ġermaniżi jużaw waqt il-prosekuzzjoni ta’ membri tal-gruppi estremisti tal-lemin.
Ir-rapporti qalu li ċ-Ċiniżi jistgħu jitilqu mill-Ġermanja waqt li tkun għaddejja l-investigazzjoni u jekk il-qorti tiddeċiedi dwar multa, il-probabbiltà hi din għandha tkun koperta mill-flus impenjati bħala pledge.
//= $special ?>

