Atletika Sport

Finalment Justin Gatlin jegħleb lil Usain Bolt

Justin Gatlin ftit mumenti wara li rebaħ il-finali tal-100 metru (Ritratt: EPA)

Justin Gatlin ħasad lid-dilettanti tal-atletika meta rnexxielu jirbaħ il-finali tal-100 metru fil-Kampjonat tad-Dinja f’Londra, u seraq ix-xena minn Usain Bolt li kien qed jimmira li jtemm il-karriera fl-aħħar tiġrija individwali b’rebħa.

Minkejja staġun anqas spettakolari minn dawk passati, Bolt kien mistenni li jikseb ir-raba’ suċċess fil-Kampjonat tad-Dinja iżda minflok kellu jikkuntenta bil-midalja tal-bronż.

Minflok, kien il-kontroversjali Gatlin li kiseb it-tieni suċċess fil-Kampjonat tad-Dinja, 12-il sena wara li kien rebaħ f’Helsinki biex dakinhar kien segwa s-suċċess fl-Olimpjadi tal-2004.

Gatlin li kien sospiż darbtejn fuq doping, ħa vantaġġ mir-ritmu aktar kajman ta’ Bolt, u temm it-tellieqa f’9.92 sekondi, bil-Ġamajkan jilħaq l-aħjar ħin tiegħu din is-sena (9.95 sekondi) u temm wara l-Amerikan l-ieħor Christian Coleman li spiċċa t-tieni 0.01 sekonda qabel Bolt.

Bolt normalment jaqta’ lill-avversarji fl-aħħar 40 metru iżda, din id-darba ma rnexxilux jaqbeż lil Coleman li kien fuq quddiem sakemm Gatlin daħal lejn it-tmiem mil-linja numru sebgħa biex kiseb it-titlu.

Gatlin li kien evita sospensjoni għal għomru fl-2006 wara li nstab pożittiv għat-tieni darba, sellem lil Bolt wara li qasam il-linja, biż-żewġ atleti jgħannqu lil xulxin.

Iżda kif ir-riżultat finali deher fuq l-iscreen tal-istadium, il-folla Ingliża li tpaxxiet b’Usain Bolt fl-2012, saffret għall-aħbar li Gatlin kien ir-rebbieħ, bl-Amerikan iżommu is-sebgħa quddiem ħalqu, f’mossa ta’ silenzju.

Bolt għannaq lil Gatlin qabel ma dar mal-grawnd biex isellem lill-partitarji li ma kinux qed jemmnu dak li raw. Is-suċċessi fil-passat, fosthom tliet midalji tad-deheb fl-Olimpjadi, jassiguraw li se jkollu l-appoġġ kollu meta jirritorna fl-istadium is-Sibt li ġej biex jikkompeti mat-tim Ġamajkan fir-relay 4×100 metru.

Wara li għażel li ma jiddefendix it-titlu tal-200 metru li rebaħ fl-aħħar erba’ Kampjonati tad-Dinja, din it-telfa tfisser li se jħalli l-istadju individwali tal-100 metru bi tliet titli fil-Kampjonati tad-Dinja u tliet rebħiet fl-Olimpjadi, kif ukoll ir-rekord fil-Ġermanja kważi diċenju ilu.