Internazzjonali

FRANZA: Miżmum wara inċident fit-Torri Eiffel ta’ Pariġi

Il-Pulizija f’Pariġi qed iżommu raġel li pprova jidħol bil-forza fit-Torri Eiffel, il-famuż simbolu tal-kapitali Franċiża, waqt li kien armat b’sikkina.

Kelliema għall-kumpanija li tieħu ħsieb din it-torri qalu li r-raġel malajr spiċċa mrażżan mill-pulizija li arrestawh fuq il-post u li ma weġġa’ ħadd fl-inċident.

Il-pulizija evakwat lin-nies mit-Torri Eiffel, minuti biss wara li seħħ l-arrest u fost rapporti li r-raġel inkwistjoni kien liebes qmis tal-futbol tal-klabb Paris Saint-Germain.

L-arrestat ta’ 19 il-sena għandu storja ta’ problemi psikoloġiċi u nstama’ jgħajjat ‘Allahu Akbar’ waqt li kien qed jipprova jgħaddi bil-forza bejn il-gwardjani li kienu għassa mat-torri. Ir-rapporti qalu li s-suldati li huma stazzjonati fl-inħawi tat-torri ħeġġew lir-raġel biex ‘jitlaq is-sikkina’ u dan ikkopera mingħajr ma pprova jattakka lil ħadd.

It-Torri Eiffel, fi tmiem il-ġimgħa, kien imlewwen bil-kuluri tradizzjonali ta’ Paris Saint-Germain waqt li magħha ttella’ skrin b’messaġġ ta’ merħba għall-plejer Brażiljan Neymar li hu l-akkwist ġdid ‘storiku’ tal-klabb. Intant, iż-żjarat lejn il-monument famuż, bħalissa, qegħdin ikomplu bħas-soltu.

Franza ilha tosserva stat ta’ emerġenza mindu t-terroristi tal-ISIS, f’Novembru tal-2015, wettqu sensiela ta’ attakki koordinati f’Pariġi li rriżultaw f’għexieren ta’ mejtin u midruba.