In-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn il-piloti tal-AirMalta u t-tmexxija tal-kumpanija jidher li qed jeħlu fuq numri ta’ punti – ewlenin fosthom iż-żieda fil-paga tal-piloti.
F’intervista fil-gazzetta Malta Today, James Fenech, il-President tal-Union, qal li l-Gvern offra 5% żieda fil-pagi – ċifra li tmur ħafna ‘l bogħod mit-30% żieda li qed jitolbu l-piloti bil-gazzetta Malta Today tgħid li l-piloti rrifjutaw l-offerta tal-Gvern.
Meta mistoqsi dwar iż-żieda mitluba, il-Ministru Konrad Mizzi qal li huwa importanti li ż-żieda li tingħata fil-pagi tkun waħda sostenibbli u saħaq li wieħed irid jiftakar li t-taħditiet dwar il-ftehim kollettiv qed isiru fi sfond ta’ kumpanija li għandha problemi finanzjarji kbar.
Intant fl-istess intervista Fenech irreaġixxa għall-kumment tal-Ministru Mizzi li qal li biex il-kumpanja ssir iktar kompetittiva, il-piloti jridu jtiru għal iktar siegħat.
Madankollu, James Feench, il-President tal-Union qal li l-piloti ma jistgħux itiru iktar għas-sempliċi raġuni li m’hemmx titjiriet x’jagħmlu.
Huwa saħaq li dan jista’ biss isir jekk l-Air Malta żżid il-frekwenza tat-titjiriet lejn destinazzjonijiet li huma ‘l bogħod minn Malta.
Il-piloti tal-Air Malta ilhom jisħqu li, meta mqabbla ma’ piloti oħrajn li jsuqu l-istess ajruplani, huma għandhom pagi ħafna inqas. Fenech isostni li anke wara ż-żieda li se tingħata, il-paga tal-piloti Maltin tibqa’ ħafna inqas minn dik ta’ kollegi tagħhom barra minn Malta.
L-aħħar ftehim kollettiv sar fl-2012 u ta’ żieda fil-pagi ta’ 3% kull sena bejn l-2012 u l-2015.
//= $special ?>

