Internazzjonali

Il-Veneżwela: Arresti wara attentat ta’ rewwixta kontra l-President

Membri tal-Gvern fil-Veneżwela kkonfermaw li saru numru ta’ arresti,  fost indikazzjonijiet li grupp ta’ suldati pruvaw iqumu kontra l-President Veneżolan, Nicolas Maduro.

L-Uffiċjali tal-Partit Soċjalista fil-Gvern, intant, irreferew għall-attentat, li seħħ fl-inħawi ta’ Valencia, fl-Istat ta’ Carabobo, bħala wieħed ‘terroristiku’. Aktar qabel beda jiċċirkola video fuq il-media soċjali fejn grupp ta’ suldati li sejħu lilhom ifushom bħala ‘membri tal-41 Brigata’ fissru l-azzjoni tagħhom bħala waħda ‘kontra t-tirannija tat-Tmexxija’ u bil-għan li tirristawra l-ordni kostituzzjonali.

L-istess suldati ċaħdu li riedu jwettqu kolp ta’ stat, bl-imkejjen qrib il-President Maduro jgħidu, issa, li s-sitwazzjoni ġo bażi militari speċifika inġiebet taħt kontroll.

Il-Veneżwela għaddiet minn xhur sħaħ ta’ protesti, bl-Oppożizzjoni takkuża lil Maduro b’li qed jipprova jferrex u jikkonsolida l-poter.

Qabel ir-rapporti dwar l-arresti, il-Prosekutur ewlieni tal-pajjiż, Luisa Ortega, qalet li hi sfat imkeċċija mill-Assemblea ġdida għall-Kostitwenti għaliex il-Gvern ried li jwaqqfilha l-investigazzjonijiet dwar allegat korruzzjoni u abbużi tad-drittijiet umani.

Ortega, li hi waħda mill-akbar kritiċi tal-President Maduro, mhix taċċetta t-tkeċċija mill-kariga. Dan wara li l-Assemblea tal-Kostitwenti li għadha kemm kienet inawgurata f’Caracas iltaqgħet fl-ewwel sesswjoni fejn, immedjatament, iddeċidiet biex tkeċċi lil Ortega, li darba kienet alleata ta’ Maduro.

Il-membri tal-Assemblea kienu eletti wara vot kontroversjali fejn ma ħa sehem l-ebda kandidat tal-Oppożizzjoni u fost allegazzjonijiet ta’ frodi waqt il-votazzjoni.

Il-Qorti Suprema fil-Veneżwela, issa, qed tgħid li Ortega, ‘il quddiem, għandha tkun ipproċessata dwar il-komportament tagħha.

Fi żvilupp sinifikanti, il-grupp (tal-pajjiżi) reġjonali Mercosur tal-Amerika t’Isfel issospenda lill-Veneżwela b’mod indefinittiv, wara li, qabel, kien poġġa l-istess pajjiż taħt projbizzjoni temporanja. Il-Mercosur qal li l-Veneżwela mhix se tkun ammessa mill-ġdid sakemm ixxolji lill-Assemblea tal-Kostitwenti u teħles il-priġunieri politiċi kollha.