Lokali

Investigati diversi persuni qrib l-eks ministru għal Għawdex Anton Refalo

Diversi persuni ġew sospiżi jew investigati mill-pulizija dwar għoti ta’ kuntratti għal xogħol f’Għawdex fi żmien il-leġiżlatura li għaddiet.

Skont storja fuq l-mument, Mark Formosa, kuġin tal-eks Ministru Anton Refalo, Michelle Xerri li hi Segretarja fil-Ministeru, il-Perit Angelo Portelli u Tony Debono ‘In-Niksu’ huma fost dawk investigati.

Dan filwaqt li mill-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet ‘l hawn, uffiċċji fil-Ministeru għal Għawdex baqgħu jinżammu magħluqa hekk kif tkompli l-investigazzjoni.

Il-mument irrapportat bil-fatti diversi każi ta’ kif ħaddiema mill-Kejselli ntbagħtu jagħmlu xogħlijiet f’postijiet privati u bl-użu ta’ materjal tal-Gvern. Dawn kienu sensiela ta’ skandli li wara wkoll kienu rrappurtati minn sezzjonijiet oħra tal-midja u li kien għoddhom wasslu biex Anton Refalo jitneħħa minn Ministru għal Għawdex f’dawk iż-żminijiet.

Iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat ħataf l-ewwel opportunità li kellu wara l-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju li għadda, meta lil Anton Refalo offrielu dekasteru ieħor, iżda mhux il-Ministeru għal Għawdex.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li fiċ-ċentru tal-investigazzjonijiet hemm l-għoti ta’ kuntratti ta’ żmien l-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo li qed ikomplu jkunu fiċ-ċentru ta’ investigazzjonijiet li bdiet tagħmel il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali koordinati mill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta li inċidentalment huwa wkoll ir-raġel tal-Ministru Justyne Caruana.

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex il-ġimgħa li għaddiet għadd ta’ Pulizija Maltin mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali marru f’Għawdex u interrogaw fit-tul lill-Perit Angelo Portelli, meqjus bħala persuna qrib ħafna tal-eks Ministru Anton Refalo.

Dwar din l-investigazzjoni li tirrigwarda l-allegati abbużi f’għoti ta’ kuntratti fi żmien l-aħħar leġiżlatura, il-Pulizija baqgħet ma għamlet ebda referenza uffiċjali.