Lokali

Jinħarġu l-ewwel disinni taċ-Chiswick House School f’Pembroke – tkompli l-kontroversja

Tissokta l-kontroverjsa dwar il-pjan tal-bini taċ-Chiswick House School f’Pembroke waqt li fl-aħħar sigħat kienu ppubblikati l-ewwel disinni ta’ dan il-proġett.

Fi stqarrija, id-direttriċi tal-iskola Bernie Mizzi spjegat li l-iskola għandha bżonn bini ġdid biex jakkomoda lill-istudenti u joffrilhom mod ġdid ta’ tagħlim. Hi spjegat li l-iskola ilha għaddejja b’diskussjonijiet mal-gvern għal dawn l-aħħar sentejn sabiex tkun identifikata l-art li tifforma parti minn medda ikbar identifkata għall-iżvilupp. Tant hu hekk li l-iskola se tuża biss kwart tal-footprint li jista’ jinbena.

L-iskola se jkollha triq privata li sservi biex it-tfal jitwasslu lejn u mill-iskola u se tkun tinkludi wkoll car park li jesa 82 karozza. Id-direttriċi tal-iskola spjegat ukoll li l-iskola se tkun mifruxa fuq tliet sulari u għaldaqstant fi kliemha se jkollha ħafna inqas impatt ambjentali minn bini ieħor fil-lokalita`.

Madankollu minkejja l-assigurazzjonijiet tad-Direttriċi, l-għaqda ambjentali Graffiti qalet li l-iskola se tinbena fuq art publika u li se tkun qed tinbena bypass f’nofs Pembroke. Graffiti qalet li Malta hija maħkuma minn ġenn għall-kostruzzjoni li qed iservi biss biex jimla’ l-bwiet ta’ ftit u jħalli lil ħafna jgħixu f’postijiet mimlija tniġġis u konġestjoni.

Intant nhar it-Tlieta filgħaxija mistennija protesta mir-residenti ta’ Pembroke u l-madwar kontra dan il-proġett.