Lokali

Jiżdied il-ħlas għal sidien ta’ ristoranti li jokkupaw postijiet ta’ parkeġġ

Sidien ta’ ristoranti li joħorġu s-siġġijiet u l-imwejjed taħt il-bankina u joffru ikla al fresco lill-klijenti tagħhom se jintalbu jħallsu kontribuzzjoni d-doppju ta’ dak li jħallsu attwalment.

Sidien ta’ stabbilimenti li ngħataw permess li jibnu pjattaformi barra r-ristoranti tagħhom fil-Belt u Tas-Sliema issa se jintalbu ħlas ta’ €4,192 għal kull parkeġġ li jokkupaw.

Fil-preżent hu permess li wieħed jibni pjattaformi simili għall-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-bankini sakemm jitħallas spazju ta’ metru u nofs minn fejn ikunu jistgħu jgħaddu n-nies.

L-Awtorità tal-Ippjanar diġa’ titlob ħlas ta’ €2,096 għal kull post ta’ parkeġġ mitluf f’żoni turistiċi bħal Tas-Sliema u l-Belt Valletta, waqt li f’postijiet oħra bħar-Rabat, il-kontribuzzjoni għall-Urban Improvement Fund hi ta’ €1,165.

Il-flus minn dan il-fond imorru għal proġetti relatati mal-immaniġġjar tat-traffiku, trasport li ma jniġġisx u titjib fiż-żoni urbani fost l-oħrajn.

Id-deċiżjoni li l-kontribuzzjoni tirdoppja kienet komunikata lill-Periti f’ċirkolari mibgħuta fl-aħħar jiem.