Lokali

Jonqos it-turiżmu fix-Xlendi

Teżisti biża’ fost sidien tal-ħwienet u lukandi li jkompli jonqos it-turiżmu fix-Xlendi, Għawdex. Dan minħabba storbju ġej mill-kostruzzjoni.

Fl-aħħar xahar l-Awtorita’ Għawdxija għat-Turiżmu talbet biex tittieħed azzjoni hekk kif uħud mit-turisti waqqfu l-vaganza tagħhom ħesrem propju minħabba l-istorbju.

Madankollu, l-Awtorita’ ma tista’ tagħmel xejn biex twaqqaf ix-xogħol ta’ kostruzzjoni f’din il-lokalita’. B’konsegwenza ta’ dan, diversi viżitaturi li kienu jmorru għal ġurnata, naqsu wkoll b’mod drastiku hekk kif infirxet il-kelma li ż-żona spiċċat qisha sit ta’ kostruzzjoni.

Kemm turisti kif ukoll residenti qed jinsistu li jieqaf kull xogħol li qed isir biex ma jibqax ikun hemm iktar storbju u trab.

Il-gazzetta The Sunday Times of Malta kkuntattjat lill-kap tal-Uffiċju għar-Regolamenti tal-Bini, Michael Ferry, li qal lanqas huma ma jistgħu jagħmlu xejn biex ix-xogħol jitwaqqaf sakemm dan ikun qed isir matul il-ġurnata.