Lokali

Jinkiser il-kuntratt tal-proġett ta’ Smart City – id-diretturi kunfidenti li mhux se jeħlu penali

L-obbligi kuntrattwali marbuta mal-proġett ta’ Smart City mhux qed jiġu rispettati u jirriżulta li dawn ilhom għall-aħħar snin jiġu injorati mingħajr riperkussjonijiet.

Fi storja ppubblikata fuq The Sunday Times of Malta saħansitra jingħad li d-Diretturi tal-proġett Smart City jinsabu rashom mistrieħa li minkejja dan mhux se jeħlu penali.

Dan minkejja li fil-kuntratt iffirmat fl-2007, jissemmew penali għolja ħafna li jidħlu fis-seħħ kemm-il darba jkun hemm ksur tal-kuntratt bl-għan li jiġu rispettati l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi. Saħansitra hemm klawżoli li jwasslu biex l-art tittieħed lura.

Il-Gvern jidher mhux biss li qed jinjora dan, iżda saħansitra jingħad li l-awtoritajiet huma favur li l-post jinbidel mill-iskop oriġinali tiegħu li jservi bħala hub għall-ICT u l-midja għal żona li fiha jkun hemm ukoll sptar, lukanda u postijiet residenzjali.

Is-Sibt li għadda, il-Partit Demokratiku ħabbar li se jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga għaliex inkisru l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-għoti tal-art ta’ Smart City iżda l-istess żona fil-Kalkara ma tteħditx lura mill-Gvern.