Awwissu x-xemx taħarqu u x-xita tmissu. U jidher li x-xemx se tkompli taħraqna.
Rapport f’ġurnal rinomat tas-saħħa The Lancet Planetary Health jgħid li s-sħana estrema fl-Ewropa mistennija toqtol iktar minn 150 elf ruħ sas-sena 2100 jekk jibqa’ ma jsir xejn biex jitrazzan l-effett tal-bidla fil-klima.
L-istudju jbassar li l-heatwaves se jkunu l-kawża ta 99% tal-imwiet relatati mat-temp fl-Ewropa – b’żieda minn madwar 3000 mewt fis-sena fis-snin ta’ bejn l-1981 u l-2010 għal madwar 150,000 mewt fis-sena bejn l-2071 u l-2100.
U s-sitwazzjoni f’Malta ma tantx tawgura tajjeb. L-istess rapport jgħid li s-sħana estrema mistennija taħsad il-ħajja ta’ madwar 350 Malti sas-sena 2071.
Ir-rapport jgħid li pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ewropa bħal Malta, l-Italja, il-Grecja u Spanja, huma dawk li l-aktar se jlaqqtuha minn din is-sħana. Is-sħana estrema se tikkawża l-mewt ta’ 700 persuna minn kull miljun – figura li taqbeż in-numru tal-imwiet ikkawżat mit-tniġġiż fl-arja, li s’issa huwa meqjus bhala l-iktar fattur li jikkawza mard fl-Ewropa.
Intant għall-ġimgħa li ġejja l-ogħla temperatura mistennija tmiss il-41 Grad Celcius li f’xi ġranet tinħass 43 Grad Celcius.
Jidher li biex nieħdu ftit ir-ruħ minn din is-sħana rridu nistennew sa tmiem il-ġimgħa tat-12 u t-13 ta’ Awwissu meta se nibdew induqu temperaturi ftit iktar baxxi minn dawk li aħna mdorrijin bihom bħalissa.
Intant il-pariri jibqgħu dejjem dawk li għandha tkun evitata x-xemx bejn 11am u 4pm, li wieħed għandu jilbes ħwejjeġ ħfief u jixrob ħafna ilma.
//= $special ?>

