Lokali

Sitwazzjoni xejn sabiħa fil-ħabs: livelli bla preċedent ta’ droga u tensjoni

Persuna li taħdem fil-volontarjat ma’ għaqda mhux governattiva li għandha x’taqsam direttament ma’ servizzi li jingħataw fil-Ħabs ta’ Kordin iddikjarat ma’ il-mument li jekk ir-realtà f’din l-istituzzjoni se tibqa’ kif inhi bla ma tkun indirizzata kif hu suppost, allura se jweġġgħu kemm priġunieri sentenzjati kif ukoll priġunieri li qed jistennew li jkunu pproċessati fil-Qrati kif ukoll għadd kbir ta’ ħaddiema.

Il-mument ippubblikat ukoll ritratt li nġibed dan l-aħħar meta Gwardjani tal-Ħabs għamlu qabda ta’ ħaxixa u mobile phones f’Diviżjoni partikulari.

Ftit tal-jiem ilu kien hemm priġuniera mara li kienet ilha titlob appuntament mad-Direttur bosta ġimgħat iżda t-talbiet tagħha baqgħu jkunu injorati. Dan wasslet biex il-mara żammet mat-theddida li għamlet, bdiet tagħmel ħsara fuq il-ġisem tagħha stess u kellha tiddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Illum il-ġurnata l-problema tad-droga fid-diversi forom tagħha hi waħda kbira u ħarbet minn kull kontroll, l-istess jista’ jingħad għad-droga sintetika bi priġunieri jkunu taħt l-effett dirett tagħha iżda meta jintalbu jagħmlu t-testijiet tal-urina, din tiġi negattiva għaliex id-droga sintetika taf ma tirriżultax fil-pożittiv.

Sadattant fi żvilupp ieħor li seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda, sors ieħor fil-Ħabs kiteb lill-mument u stqarr li l-ammont ta’ droga fil-Ħabs hi xi ħaġa lampanti u xokkanti, anke Uffiċjali li ilhom jaħdmu fil-Ħabs huma sorpriżi quddiem din is-sitwazzjoni.

Lanqas il-Gwardjani mhuma jħossuhom komdi jaħdmu f’din is-sitwazzjoni ta’ tensjoni kbira fejn fin-nofs hemm is-sigurtà tagħhom.

Min-naħa tiegħu jidher li l-Ministru Michael Farrugia qiegħed ikompli għaddej bil-ħsibijiet li bħala Direttur tal-Ħabs ipoġġi lis-Sindku ta’ Marsaskala Mario Calleja li hu wkoll eks Spettur fil-Korp tal-Pulizija u li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kkontesta mal-Partit Laburista.

Dwar is-sitwazzjoni preżenti ħażina fil-ħabs titkellem ukoll It-Torċa, li fil-faċċata tagħha tikkwota sors tagħha li jgħid li l-ħabs hu mifni mill-burokrazija u jikkonferma li d-droga fil-ħabs saret xi ħaġa normalissima.

Teżisti wkoll il-problema tal-karta tal-identità għall-ħabsin, li joħorġu mill-ħabs fi tmiem is-sentenza tagħhom iridu jmorru l-Qorti fejn jgħidulu jagħmel rikors biex tingħatalu l-karta tal-identità. Iżda biex jagħmel dan, dak li jkun irid iħallas wara li jkun ħareġ mill-ħabs b’ta’ fuqu senduqu.

L-istess voluntiera li tkellmu ma’ It-Torċa żvelaw li fl-aħħar jiem kellha tiġi ordnata lock down, fejn il-priġuniera ma tħallewx joħorġu miċ-ċella, minħabba s-sitwazzjoni ta’ tensjoni li teżisti.

Dan minbarra problemi ta’ sħana qawwija u tgergir dwar is-sitwazzjoni tal-ikel, kif ukoll l-istorja żvelata fl-aħħar jiem fejn priġunier ma ngħatax il-mediċina u spiċċa biex il-kilwa tiegħu waqfet taħdem.