Lokali

Se titwaqqa’ l-lukanda Verdala

Wara snin abbandunata u mingħajr użu, il-lukanda Verdala li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Tal-Virtu fir-Rabat se titwaqqa’.

Dan hekk kif hemm pjani li minflok tinbena boutique hotel b’40 suite oħra fi proġett li magħha se jkun hemm inkorporat ukoll binjiet residenzjali, b’żoni fejn wieħed jista’ jippassiġġa kif ukoll pjazza.

Il-proġett meqjus bħala innovattiv se jkun immexxi mill-iżviluppatur u imprenditur Anġlu Xuereb, li jmexxi diversi proġetti oħra madwar pajjiżna.

Jidher li għall-kuntrarju ta’ proġetti li kienu ppjanati għall-istess żona fil-passat, din l-idea qed tintlaqa’ b’mod differenti u pożittiv minn uħud mir-residenti tal-madwar.

Dan anke fid-dawl li l-proġett propost mhux se jkun fi blokka waħda li tistona, kif inhi l-binja attwali, iżda fi blokok iżgħar, mifruxa u żewġ sulari iktar baxxi mill-binja attwali. L-iżvilupp se jkollu volum b’mod sinifikanti inqas minn permess maħruġ fl-2001.