“Lil Chris Said ħdimt miegħu meta kien Ministru tal-Kunsilli Lokali. Ma jiqafx jaħdem. Ma jinħeliex f’diskorsi imma jxammar u jwettaq. F’mument tant diffiċli għall-Partit Nazzjonalista, hemm bżonn Kap b’esperjenza biex mill-ewwel ġurnata jibda jwettaq.
Dan qalu s-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli meta l-ġimgħa filgħaxija ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-kandidatura ta’ Chris Said bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Alexei Dingli kien qed jindirizza attivita’ politika fl-uffiċini tal-Azad.
Dingli jingħaqad ma’ grupp ta’ persuni oħra li iktar kmieni din il-ġimgħa taw l-appoġġ tagħhom lil Chris Said, fosthom l-MEP David Casa u l-Membri Parlamentari Jason Azzopardi, David Stellini u Edwin Vassallo.
Intant, f’kumment fuq Facebook dalgħodu, il-kandidat ghal Kap tal-PN Chris Said ddikjara hekk: “Qed jingħad ċertu diskors dwar ‘kinsa ta’ kull min hemm fil-Partit Nazzjonalsita’. Diskorsi bħal dawn iservu biss biex jaqsmu l-partit.
L-esperjenza fil-politika għallmitni li fil-kalma, mingħajr għajjat u emozzjoni żejda, il-bidliet meħtieġa jsiru u jsiru tajjeb. Jekk tagħtuni l-privileġġ li mmexxi l-Partit Nazzjonalista, l-ewwel prijorità tiegħi se tkun l-għaqda fil-partit, fejn hemm post għal kull min hu ġenwin.
U dwar Simon Busuttil, jekk inkun Kap jien inħeġġu jżomm is-siġġu parlamentari. Tgħid mhux se niknes ‘il barra lil Simon Busuttil!” qal il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjoanlista Chris Said.
//= $special ?>