Ix-xogħol li qed isir minn Transport Malta fl-inħawi tar-roundabout ta’ Dawret il-Gudja, qed isir minkejja li ma ħariġx il-permess.
Ix-xogħol jinvolvi wkoll iċ-ċaqliq ta’ ħamrija minn għelieqi li jinsabu fil-madwar ta’ fejn qed isir dan il-proġett. Minkejja dan, Transport Malta qalet li qed tikkollabora mal-Awtorità tal-Ippjanar biex tiżgura li x-xogħol jitlesta malajr kemm jista’ jkun.
Dan fid-dawl ukoll li nħolqot sitwazzjoni fejn kemm l-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta issa jaqgħu taħt l-istess ministeru – dak ta’ Ian Borg.
Ix-xogħol li qed isir fiż-żona għandu l-għan li titwessa’ t-triq ta’ madwar ir-roundabout, bejn Vjal l-Avjazzjoni u Dawret il-Gudja, kif ukoll modernizzar tal-junction. Madankollu l-applikazzjoni għax-xogħol li qed isir lanqas biss ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika.
Din ir-roundabout tintuża minn iktar minn 4,000 vettura kull siegħa, u hi waħda mill-iktar toroq problematiċi f’dak li għandu x’jaqsam mat-traffiku f’pajjiżna, iktar u iktar għaliex hi roundabout li tagħti lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Transport Malta stess ikkonfermat li x-xogħol beda qabel ħareġ il-permess.
//= $special ?>

