Internazzjonali

Twissija biex il-Korea ta’ Fuq tieqaf mill-provi tal-missili

 

Il-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin appella lill-awtoritajiet fil-Korea ta’ Fuq biex ma jkomplux iwettqu l-provi għall-missili ballistiċi u nukleari.

L-appell sinifikanti taċ-Ċina, li hi alleata tar-reġim fi Pyongyang, ħareġ ftit sigħat wara li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kien qabel dwar sanzjonijiet ġodda fil-konfront tal-Korea komunista.

Il-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi qal li ħeġġeġ lil Ri Yong-ho, il-Ministru tal-Korea ta’ Fuq bl-istess dekasteru, biex jirrispetta r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti. L-appell mifhum li seħħ waqt laqgħa fil-Filippini, iżda l-pożizzjoni tal-Korea ta’ Fuq għadha mhix ċara.

Ir-riżoluzzjoni tas-Sibt mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi l-esportazzjoni mill-Korea waqt li tillimita l-investimenti fil-pajjiż.  Intant, ir-riżoluzzjoni għaddiet mill-Kunsill b’mod unanimu.

Il-Ministru Wang, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa tas-sanzjonijiet, qal ukoll li dawn ‘mhumiex il-għan finali’ u, fl-istess ħin, qed jipproponi t-triq tad-djalogu ma’ Pyongyang. Hu, fuq kollox, ħeġġeġ biex il-Korea ta’ Fuq iżżomm il-kalma u ma tipprovokax lill-komunità internazzjonali b’aktar provi ta’ missili.

Iċ-Ċina, fl-istess ħin, qed tħeġġeġ biex l-Istati Uniti u l-Korea f’Isfel – li ma ffirmat qatt ftehim għal paċi uffiċjali mal-Korea komunista wara l-gwerer tas-snin ħamsin – joqgħodu attenti biex ma jżidux it-tensjoni fil-peniżola, fi żmien meta s-sitwazzjoni qed tidher ‘kritika’.

Madankollu Beijing jemmen ukoll li ma ngħalqitx it-triq għad-djalogu u li proprju ‘issa’ hu ż-żmien fejn in-naħat interessati jistgħu jimpenjaw ruħhom għal taħditiet ġodda dwar il-kriżi.