Internazzjonali

Twissija oħra lir-Renju Unit dwar nuqqas ta’ ftehim għall-Brexit

 

L-eks-President tal-Kummissjoni Ewropea, Romano Prodi, wissa li sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim fiss għall-Brexit għandha tfisser forma ta’ ‘suwiċidju’ għall-Britanniċi.

Fl-istess, Prodi wissa wkoll dwar ‘l-impatt negattiv’ irreġistrat mill-bidu diffiċli għan-negozjati bejn Londra u Brussell.

Romano Prodi ma għandu l-ebda dubju li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May u l-Ministri tagħha involuti fil-proċess tal-Brexit jeħtieġu jagħmlu kulma jistgħu biex jaħdmu lejn ftehim ma’ Brussell qabel tispiċċalhom l-isħubija fl-Unjoni.

Prodi, fl-istess ħin, ammetta li jista’ jkun ‘imxaqleb favur l-UE’ iżda insista li ma jarax triq oħra ħlief li r-Renju Unit jaħdem flimkien mal-Unjoni.

‘Forsi nista’ qed nitkellem bħala ekonomista, iżda jista’ ikun li l-Britanniċi mhumiex jifhmu eżatt il-veri konsegwenzi tal-Brexit minn aspett ta’ ekonomija’, saħaq Romano Prodi.

Hu għalhekk li Prodi qed jagħmel enfasi kbira fuq il-ħtieġa li jinstab kompromess bejn il-Gvern ta’ May u Brussell.

Romano Prodi, sadanittant, ma jemminx li għandu jsir tieni referendum fir-Renju Unit, fejn in-nies jiddeċiedu mill-ġdid jekk iridux ikomplu fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, hu warrab dan is-suġġeriment bħala ‘xi ħaġa impossibbli’.

Madankollu, Prodi kompla jenfasizza l-ħtieġa għal kompromess politiku bejn Londra u Brussell biex ir-Renju Unit ma jissugrax ‘suwiċidju politiku u ekonomiku’.

Romano Prodi esprima wkoll it-tħassib li l-Brexit ‘għandu jikkaġuna ħsara għar-Renju Unit’ filwaqt li ħeġġeġ biex Londra u l-Unjoni Ewropea jżommu kemm jistgħu mir-rabtiet u l-ftehim attwali.

F’kumment speċifiku, Prodi qal li jidher ċar li hu impossibbli biex xi ħadd iżarma ftehim bħal dak li jeżisti bejn ir-Renju Unit u l-UE mingħajr impatt negattiv għaż-żewġ naħat – ‘bl-akbar ħsara, probabbilment, ibatuha l-Britanniċi’.

Meta rrefera għan-negozjati inizjali dwar il-Brexit bejn is-Segretarju ( għall-Brexit) David Davis u r-rappreżentant ewlieni tal-UE, Michel Barnier, Romano Prodi qal li l-bidu kien wieħed ħażin fejn l-ebda naħa ma ħarġet tajjeb. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi, skont hu, jenfasizzaw l-importanza li jintlaħaq kompromess.