Elezzjoni Kap PN Lokali

Chris Said b’messaġġ għall-għaqda fil-PN

“Wara li stedint lil sħabi għal kafè, issa qed nistedinhom biex ningħaqdu flimkien għal attività soċjali, waħda li għaliha jiġu l-attivisti. M’hemmx diskorsi politiċi. Nieħdu pjaċir flimkien bħala familja waħda. Fl-għaqda hemm is-saħħa”.

Dan ħabbru l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said Said fi stqarrija fuq Facebook.

F’kummenti lill-media, Chris Said saħaq li wara s-sittax ta’ Settembru jrid ikun hemm partit magħqud li ma jitlifx żmien biex jibda ħidma ma taqta’ xejn ħalli l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jissaħħaħ.

Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li jekk jiġi fdat bit-tmexxija ta-Partit Nazzjonalista se jara li juża l-esperjenza twila tiegħu fil-politika biex kulħadd jiġi flimkien bħala familja waħda.

“Meta tkun taf il-partit sew, ikollok il-vantaġġ li ħadd ma jimlik kontra ħadd għax in-nies tkun tafhom personalment”, qal Chris Said.

Il-kandidat għal Kap tal-PN qal li hu jemmen li d-deputati għandhom ikunu ħielsa biex jagħmlu l-għażliet tagħhom mingħajr ħadd ma jimponi xejn fuqhom.

“Għalhekk, lil kull Deputat li talabni biex jappoġġjani ħallejtu li fil-libertà jagħmel dan. L-appoġġ li qed ningħata jinkoraġġini bil-kbir u dan ngħidu b’umiltà kbira”, qal Chris Said.

“Fl-istess waqt, dawk li qed jagħżlu mod ieħor se jsibu appoġġ mingħandi bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista”, żied jgħid. Chris Said qal li qed jaħdem u jagħti spazju sħiħ lil kull min hu ġenwin.

Intant, fil-jiem li għaddew Chris Said ħabbar li bħala Kap tal PN se jwaqqaf sistema ta’ customer care f’kull lokalita’ – irrid nibgħat messaġġ ċar li mal-PN tista’ tasal qal il-kandidat għal Kap tal-PN.