Knisja Lokali

FILMAT: Il-Knisja tiġbor €10 miljuni f’donazzjonijiet u kollezzjonijiet

Il-preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji (Ritratt: thechurchinmalta.org)
Il-Kurja tagħmel surplus u tqassam lil numru ta' entitajiet soċjali

Il-Knisja f’Malta ġabret mal-€10 miljuni f’donazzjonijiet u kollezzjonijiet fis-sena 2016, skont ċifri ppubblikati mill-Kinisja stess.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross ta dettalji dwar is-sena finanzjarja 2016 u preżenta r-rapport finanzjarju.

Id-donazzjonijiet u l-kollezzjonijiet ma jinkludux biss il-flus li jinġabru fis-sasla mill-Knejjes, iżda anke donazzjonijiet li l-parruċċani jagħtu lill-parroċċa tagħhom jew lill-Knisja għal xi proġett partikolari.

Ir-riżultati finanzjarji juru li d-dħul mid-donazzjonijiet, jew aħjar dawk in-nies li jmorru minn jeddhom b’donazzjoni, għamel tajjeb għat-tnaqqis mill-ġbir fil-Knejjes, mill-attivitajiet ta’ fundraising u mill-investimenti.

Ir-rapport finanzjarju, preżentat lill-media waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja, hu maqsum fi tnejn: wieħed li jagħti ħarsa lejn l-infiq u d-dħul tal-Kurja weħidha, u ieħor li jħares lejn l-infiq u d-dħul tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kollha kemm hi.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Arċidjoċesi ta’ Malta kollha, jiġifieri li tinkludi wkoll il-parroċċi, il-Knisja żiedet id-dħul fuq l-2015 b’€1.8 miljuni, biex id-dħul totali tela’ għal ftit aktar minn €36 miljuni. Iżda l-ispejjeż kienu fl-istess ilma, jiġifieri ta’ ftit aktar minn €36 miljuni, bil-konsegwenza li l-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat defiċit ta’ ftit aktar minn €100,000. Id-defiċit ma jgħoddx dħul minn bejgħ ta’ stocks tal-Gvern, li jammonta għal €1.2 miljuni.

Il-parti l-kbira tal-ispejjeż imorru biex jitħallsu mal-1,400 persuna li jaħdmu mal-Knisja, fosthom qassisin.

Imma jekk wieħed iħares lejn ir-rapport finanzjarju tal-Kurja biss, jinduna li l-Kurja tal-Arċisqof għamlet surplus ta’ ftit aktar minn €750,000. Kważi €500,000 minn dawn tqassmu lil numru ta’ entitajiet soċjali tal-Knisja li jwettqu ħidma soċjali u ta’ karità.

“Il-Kurja kull sena tqassam is-surplus tagħha għaliex tħoss li hemm bżonn li tgħin lil nies li huma batuti u fil-bżonn,” spjega Michael Pace Ross ma’ NET News. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Ross spjega li permezz tas-surplus, il-Knisja tkun tista’ tkompli bl-operat pastorali tagħha mat-tfal, maż-żgħażagħ, mal-familji, mal-anzjani, mal-persuni b’diżabilità u ma’ dawk kollha li huma fil-bżonn.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji oħra, fosthom dwar il-mod kif il-Knisja f’Malta investiet f’diversi inizjattivi li jħarsu l-ambjent, fosthom f’installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi li qed jibbenefikaw minnhom madwar 30 parroċċa.