“Mingħajr ma jarmi dak kollu li jemmen fih, il-Partit Nazzjonalista għandu jibda proċess ta’ aġġornament politiku”
Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-PN Alex Perici Calascione bħala parti mill-kampanja ‘Partit Rebbieħ’.
Alex Perici Calascione qal li l-Partit Nazzjonalista jrid isir aktar proattiv, li jifhem lis-soċjetà bl-aħjar mod u li jaġġorna l-politika tiegħu skont l-evoluzzjoni tas-soċjetà.
“Dan ma jfissirx li dak kollu li sal-lum emmen fih il-PN se jispiċċa. Ifisser biss li partit politiku li jaspira li jmexxi lill-pajjiż, jifhem ir-realtajiet u ċ-ċirkostanzi tal-poplu li jirrappreżenta”, sostna Perici Calascione, li fisser l-iskop aħħari – jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista jkollu politika tan-nies”
Fl-istess waqt, il-kandidat għal Kap tal-PN qal li għandu jkun hemm Kummissjoni mwaqqfa apposta li tkun qed tattendi l-laqgħat tal-forum distrettwali u tikkonsulta wkoll ma’ persuni, entitajiet u korpi oħrajn li tħoss li huma validi għall-iskop tal-aġġornament tal-politika tal-partit.
Alex Perici Calascione qal ukoll li qed jipproponi li nkomplu nibnu fuq id-dokumenti “Fehmiet Bażiċi” u “L-Għeruq Tagħna”
“Il-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ jifhem li l-kwistjonijiet lokali u reġjonali – żgħar kemm huma żgħar u rrelevanti kemm jistgħu jidhru rrelevanti – jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies,” spjega Alex Perici Calascione.
“Il-PN irid jerġa’ jkun il-partit fuq quddiem fit-tfassil tal-aġenda politika tal-pajjiż, dan bla ma jippretendi li l-politika tiegħu hija dejjem perfetta jew neċessarjament l-aħjar” temm jgħid il-kandidat għal Kap tal-PN Alex Perici Calascione.