Lokali

Jista’ jkun ‘Malti’ l-President ta’ Franza wara Macron

Il-politiku promettenti Gérald Darmanin, diġà Ministru fil-Gvern Franċiż, qed jaspira karigi aktar għoljin fil-karriera politika tiegħu fi Franza

Il-mexxej il-ġdid tal-Partit Repubblikan fi Franza jista’ jkun politiku żagħżugħ ambizzjuż għall-aħħar u bil-kwalitajiet kollha li jasal sal-ogħla kariga fit-tmexxija tal-pajjiż, dik ta’ President tar-Repubblika ta’ Franza wara Macron.

Il-kariga ta’ President ta’ pajjiż kbir, potenti u politikament importanti bħalma hu Franza tiġbed l-interess prattikament tal-pajjiżi kollha tad-dinja. Imma dak li jolqot direttament lilna l-Maltin f’din il-possibbiltà hi li dan iż-żagħżugħ promettenti li qed jiffjorixxi fil-qasam politiku Franċiż tant li saħansitra qed jissemma diġà għall-ogħla kariga tal-pajjiż hu l-fatt li dan għandu dixxendenza Maltija.

Jismu Gérald Darmanin u fil-preżent jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Kontijiet Pubbliċi. Għal numru ta’ snin kien membru tal-Partit Repubblikan, il-partit konservattiv ewlieni ta’ Franza, u segwaċi leali ta’ Sarkozy. Aktar tard mil-Lemin mexa lejn iċ-Ċentru u ngħaqad mal-partit ġdid ta’ Emmanuel Macron li mill-ewwel għaraf il-kapaċitajiet tiegħu u fdah bil-kariga importanti ta’ Ministru fil-qasam tal-finanzi.

Darmanin qatt ma tkellem pubblikament dwar il-possibbiltà li jirritorna mar-Repubblikani, imma aktar ma jgħaddi żmien din l-ipotesi aktar qed tissemma. Xi osservaturi jsostnu li dan hu l-pjan li ilu jberren f’moħħu għal dawn l-aħħar xhur fl-ambizzjonijiet tiegħu li jibqa’ tiela’ ’l fuq fil-ġerarkija tal-poter.

L-istess osservaturi jsostnu li meta jasal il-waqt opportun, Darmanin jiddistakka ruħu minn ma’ Macron u jerġa’ jsib postu minn fejn telaq bħala s-salvatur tal-lemin Franċiż fi żmien ta’ kriżi li r-Repubblikani jinsabu għaddejjin minnha. Mexxej ġdid żagħżugħ u dinamiku jista’ jkun is-soluzzjoni li għandu bżonn il-partit.

Darmanin, li telaq il-Partit Repubblikan biex ingħaqad ma’ Macron ħames xhur ilu, jista’ jkun attirat li jmur lura minn fejn ġie anki għall-fatt li r-Repubblikani huma konfużi kif se jkomplu mexjin fil-qasma li teżisti fi ħdan l-istess partit bl-aktar politiċi prominenti jimxu f’direzzjonijiet opposti – min irid konfrontazzjoni diretta mal-Gvern u min jippreferi politika aktar konċiljattiva.

Gérald Darmanin għandu 35 sena u ġej minn familja tal-klassi tal-ħaddiema b’għeruq Maltin. Nannuh kien Malti ta’ dixxendenza Lhudija.

Interessanti li xi wħud – xprunati mill-makakkerija politika tiegħu – qed jibdlu isem Darmanin u minflok isejħulu Dar-malin – logħob bil-kliem biex l-aħħar ittri ta’ kunjomu jfissru ‘ħażen’ jew ‘makakkerija’ (bil-Franċiż ‘malin’), u dan mhux bilfors b’kumpliment.

Bħalissa, fil-kariga li jokkupa, qed jieħu deċiżjonijiet li jnaqqsu l-ispejjeż fil-baġit tal-pajjiż li permezz tagħhom qed jintgħoġob mir-Repubblikani, bil-partitarji ta’ dan il-partit – għallinqas fil-parti l-kbira tagħhom – diġà jidhru lesti li jerġgħu jilqgħuh fi ħdanhom b’idejhom miftuħin.

Dan għax f’Darmanin qegħdin jaraw politiku li jista’ jagħti bidu għal ġenerazzjoni ġdida ta’ Konservattivi li tiddistakka ruħha mit-tmexxija l-antika – speċjalment dik tal-eks-Prim Ministru Francois Fillon, li ma rnexxilux jirbaħ l-aħħar elezzjoni presidenzjali anki jekk f’xi żmien din ir-rebħa kienet tidher qribu, u kien eliminat fit-tellieqa ma’ Marine Le Pen u Emmanuel Macron, li finalment kien elett bħala President tal-pajjiż f’Mejju li għadda.

Artiklu reċenti fir-rivista elettronika politico.eu jgħid li fil-preżent Darmanin qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna għal Macron, imma fi żmien ftit snin oħra – stennew li tisimgħu ħafna aktar dwaru.

F’battibekk reċenti fil-Parlament Franċiż, waqt diskors li kien qed jagħmel, il-mexxejja tal-lemin-estrem Marine Le Pen irreferiet għal Darmanin bħala ‘Ġuda’, naturalment bħala referenza li dan għadda minn partit politiku għal ieħor.

It-tweġiba ta’ Darmanin kienet spontanja u immedjata: “Kontra dak li se jiġri lilek, ‘Ġuda’ se jitniżżel fl-istorja ta’ Franza.”

F’intervista reċenti fis-sit elettroniku Bondy Blog, Darmanin qal: “Jekk tistaqsu n-nies li jafuni mill-qrib dwar it-temperament tiegħi, jgħidulek li jien m’għandi dubji fuq xejn. Mhijiex kwistjoni li tkun prużuntuż, imma jien ma noqgħodx nikkonsidra jekk dak li nemmen li hu l-aħjar hux se jkun suċċess jew le. Ma jgħaddulix minn moħħi dawn l-affarijiet. Nagħmel dak li nemmen li hu l-aħjar għall-pajjiż, imbagħad iż-żmien jagħtina parir.”

Il-fatt li bosta membri parlamentari tar-Repubblikani jikkonsidraw lil Darmanin bħala traditur, jista’ jagħti lil Darmanin gambetta fi triqtu lejn ix-xettru ta’ Sarkozy bħala r-rappreżentat tar-Repubblikani fit-tellieqa presidenzjali li jmiss, imma l-pożizzjoni u r-rispett ġenerali li qed jikseb fil-pajjiż sa ftit snin oħra jafu jagħmluh il-kandidat ideali għal dan ir-rwol.

Il-fatt hu li Gérald Darmanin, il-politiku żagħżugħ Franċiż b’dixxendenza Maltija, fil-preżent qed jikseb esperjenza utli ferm bħala ministru, u wkoll popolarità u ammirazzjoni għad-deċiżjonijiet li qed jieħu. L-età tiegħu hi favurih ukoll u l-previżjonijiet tal-osservaturi politiċi kollha jaqblu li dwaru għad irridu nisimgħu u naqraw ħafna.