Lokali

L-Istorja ta’ Jacob: Minn xifer il-mewt, issa jwettaq il-ħolma ta’ ħajtu

Jacob Cachia fl-aħħar ġimgħa wettaq il-ħolma tiegħu, dik li jiftaħ kafetterija. Fil-fatt Jacob, li ta’ 15-il sena kien marid serjament, illum, erba’ snin wara, fieq u issa qed iwettaq il-ħolma tiegħu billi fetaħ Jacob’s Brew.

Għal Jacob kollox beda erba’ snin ilu, ta’ 15-il sena, meta ftit qabel kien se jagħmel l-O levels sar jaf li kien marid serjament. Dakinhar Jacob kellu sinusitis u wara ħamest ijiem ta’ trattament mingħajr ma jirkupra, hu sofra sintomi aktar serji u ttieħed l-Isptar b’emerġenza. Hemmhekk instab  li Jacob kellu infezzjoni f’moħħu f’kundizzjoni rari ħafna, Meningoencephalitis. Wara ħafna kumplikazzjonijiet, Jacob kien ingħata 50% fil-mija ċans li jgħix u 50% fil-mija ċans li ma jgħix.

Jacob għamilna diversi ġimgħat l-ITU jingħata l-kura u kellu diversi operazzjonijiet serji f’moħħu, iżda wara snin ta’ kura, hu rnexxielu jfiq, minkejja diżabbiltà parzjali.

Matul iż-żmien li għamel marid, Jacob lissen il-ħolma tiegħu, dik li meta jfiq jiftaħ coffee shop. Iżda din il-ħolma żviluppat aktar u l-coffee shop illum il-ġurnata mhux sempliċement ħanut tal-kafè iżda wkoll ħanut li fih persuni bi problema jingħataw għajnuna f’ambjent soċjali.

Aħna ltqajna ma’ Jacob fil-ħanut tiegħu u sibnieh f’ħanut ippakkjat bin-nies, kollha jmorru biex jieħdu tazza kafè u xi ħaġa żgħira għal miegħu. Lil Jacob innutajnieh – bl-għajnuna tal-familja tiegħu, li għamlu din il-ħolma ta’ Jacob possibbli – ferħan se jtir.

Dan il-ħanut f’Marsaskala huwa ambjent fejn fih jinġabru persuni minn kull qasam tal-ħajja, iżda inizjattiva interessanti f’Jacob’s Brew hija dik tal-Pay it forward, fejn meta wieħed imur jieħu kafè, meta jħallas jingħata rċevuta b’timbru. L-għan hu biex meta tiltaqa’ ma’ xi persuna bi sfida jew diffikultajiet partikolori, tagħtih dik l-irċevuta u dak li jkun imur jieħu kafè f’dan l-ambjent sabiħ.

Interessanti wkoll li l-ħolma ta’ Jacob, li qed issir bl-għajnuna ta’ diversi persuni, qed tkompli tgħin ukoll diversi persuni oħrajn. Dan għaliex Jacob’s Brew se jibda jagħti donazzjonijiet biex ikompli jgħin persuni fil-bżonn.

Intervista dettaljata dwar din l-esperjenza u l-istorja ta’ Jacob ser tixxandar illejla fid-9pm fuq Net Television waqt il-programm Nafek xi mkien, preżentat minn Fabian Demicoli.