Internazzjonali

L-UE toħroġ avviż dwar bajd kontaminat

L-Unjoni Ewropea infurmat lill-awtoritajiet kompetenti fir-Renju Unit, Franza, l-Iżvezja u l-Iżvizzera li hemm il-possibbiltà li xi bajd kontaminat inbiegħ f’pajjiżhom.

Dan wara li nstab li f’katina ta’ supermarkets fil-Ġermanja kien hemm bajd għall-bejgħ li kien kontaminat b’insettiċida, il-Fipronil. Wara ftit kien hemm ukoll każi fil-Belġju u l-Olanda, il-pajjiż minn fejn ġie l-bajd.

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea qal li t-twissija saret bħala prekawzjoni biex isiru l-verifiki neċessarji.

Hemm ukoll rabja lejn l-awtoritajiet Belġjani li kienu indunaw b’dan f’Ġunju imma ma infurmaw lil ħadd.

L-uffiċjali fil-Ġermanja qalu li hemm il-possibbiltà fil-pajjiż diġà nbiegħu mal-għaxar miljun bajda kontaminati.

Testijiet fuq il-Fipronil instab li jagħmel ħsara fil-fwied, il-kliewi u t-tirojde tal-bniedem.

L-Olanda hi l-akbar esportatur tal-bajd fl-Ewropa  u wieħed mill-akbar fid-dinja. Hu stmat li l-Olanda tesporta 65 fil-mija tal-għaxar biljun bajda li tipproduċi kull sena.

Bħala konsegwenza ta’ dan l-iskandlu, mal-180 razzett tat-tiġieġ ingħalqu temporanjament sakemm tintemm l-investigazzjoni.