Ħafna kienu qed jittamaw li Neymar jagħżel il-Premiership. Din ix-xewqa baqgħet biss ħolma.
Il-Brażiljan mar Franza, u għalkemm Pogba ma baqax l-aktar plejer li jiswa’ flus fid-dinja tal-futbol, il-l-Premiership xorta jibqa’ l-aktar kampjonat li jiġbed udejnzi u interess qawwi minn miljuni ta’ apposjonati tal-futbol minn madwar id-dinja.
X’se joffri l-kampjonat Ingliż din is-sena? Huwa diffiċli ħafna tanalizza xenarji differenti meta lanqas biss għadu għalaq is-suq tat-trasferimenti.
Li hu żgur hu li dan il-kampjonat illi jibda fi tmiem il-ġimgħa se joffri sfida diretta bejn Conte u Mourinho għar-rebħ tal-Premiership, biż-żewġ timijiet involuti wkoll fiċ-Champions League din is-sena.
Għal Chelsea forsi se tkun aktar diffiċli. Il-pressjoni hija kollha fuqhom. Kemm se tkun kbira l-isfida għalihom illi jirrepetu s-suċċess tal-istaġun l-ieħor? Bla dubju, se jkun hemm pressjoni anke mil-lat fiżiku għaliex, kuntrarju għall-istaġun l-ieħor, din id-darba it-tim ta’ Conte għandu l-impenji fl-Ewropa. Fi kliem sempliċi, in-numru ta’ partiti se jkun ferm akbar għal Chelsea.
Minn naħa l-oħra Manchester United jistgħu jitqiesu bħala favoriti li din is-sena jagħmluha wara nuqqas ta’ ħames snin.
It-tim ta’ Mourinho diġa’ wera titjib konsiderevoli minn mindu ħadu f’idejh il-Portugiż. L-istaġun li għadda r-Red Devils rebħu l-Community Shield, l-League Cup u għall-ewwel darba fl-istorja l-Europa League. Dan filwaqt li għamlu serja ta’ 25 logħba fil-Premier mhux megħluba.
Telaq Rooney. U spiċċaw mingħajr is-servizzi ta’ Ibrahimovic. It-tama ta’ Manchester United qed tintefa’ fuq iż-żgħażagħ Rashford, Pogba, Lingard u Martial, flimkien mal-esperjenza li ġab miegħu l-attakkant il-ġdid Romalu Lukaku.
Lindelof u Matic bla dubju li se jsaħħu d-difiża ta’ Mourinho. Iżda biżejjed? Min se jkunu l-ismijiet ġodda li se jingħaqdu mar-Red Devils dan l-istaġun?
Newcastle lura fil-Premiership
It-timijiet il-ġodda li se jikkompetu fil-Premiership din is-sena huma Brighton, Huddersfield u Newcastle United illi irritornaw mal-kbar tal-Ingilterra. Għajnejn kulħadd jinsabu fuq it-tim ta’ Rafa Benitez, illi kien il-moħħ wara l-promozzjoni ta’ Newcastle l-istaġun li għadda.
Huma biss Guardiola, Mourinho u Wenger illi għandhom aktar unuri minn Banitez wara isimhom, u dan il-fatt fih innifsu jpoġġi lill-kowċ Spanjol fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Min jaf x’se joffru Newcastle wara sena f’The Championship?
Il-fenomenu Brażiljan ta’ City
Dan l-istaġun mistennija naraw il-potenzjal kbir illi għandu Gabriel Jesus, l-istilla ta’ Manchester City illi għandu 20 sena.
It-tattika, iż-żifna fuq il-ballun u l-ġirja ta’ Jesus jafu jkunu xrara ġdida fil-Premiership. L-attakkant ingħaqad mat-tim ta’ Pep Guardiola f’Jannar, u allura din is-sena nittamaw illi nibdew naraw l-aqwa li kapaċi joffri.
Ir-ritorn ta’ rivalita’ antika
L-istaġun 2017/18 se jara ir-ritorn ta’ derby illi ftit nies jafu li jeżisti – id-derby bejn Crystal Palace u Brighton.
Għalkemm mifruda minn triq ta’ 60 mil, ir-rivalita’ bejn dawn iż-żewġ timijiet bdiet fis-snin 70 meta ddikjaraw lilhom infushom bħala “għedewwa”. L-aktar minħabba l-pika li kien hemm bejn il-kowċ ta’ Brighton Alan Mullery u l-kowċ ta’ Palace Terry Venables.
Iż-żewġ naħat se jkunu qed jiltaqgħu għall-ewwel darba fil-Premiership.
Kampjonat aktar miftuħ
Kollox ma kollox, jidher li din is-sena l-Premiership se jkun kampjonat aktar miftuħ minn dak li rajna fl-aħħar sentejn meta intrebaħ minn Chelsea u Leicester.
Se jkun kampjonat li fih se naraw lil Tottenham jilgħabu f’Wembley sakemm jitlesta l-istadium il-ġdid tagħhom, se naraw lil Liverpool b’tim aktar b’saħħtu u kompatt lest għal sfida diretta għat-titlu, se naraw lil Wayne Rooney jirritorna ma’ Everton, lil Lacazette jingħaqad ma’ Arsenal, u lil Chelsea jisaħħu b’Morata u Rudiger.
Frank de Boer se jkun il-manager il-ġdid ta’ Crystal Palace, West Ham issaħħu ferm bl-akkwisti ta’ Zabaleta, Arnautovic, Chicharito u l-gowler Joe Hart, filwaqt li Tottenham sa issa ma akkwistaw lill-ebda plejer.
Is-suq tat-trasferimenti jagħlaq fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
//= $special ?>