Lokali Qorti

Missier u iben il-Qorti wara ġlieda f’tieġ

Il-ġlieda daret fuq il-Pulizija meta dawn daħlu biex jikkalmaw is-sitwazzjoni

Ġlieda bejn żewġt aħwa waqt tieġ wasslet biex wieħed mill-aħwa u missieru spiċċaw il-Qorti fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, fosthom li darbu żewġ Pulizija li provaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Il-ġlieda nqalgħet għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu bejn Bernard Zammit ta’ 30 sena u ħuħ. Fil-ġlieda ndarbu żewġ Pulizija li kienu xogħol it-tieġ, u li malli nqalgħet il-ġlieda, provaw jikkalmaw lill-aħwa.

Fil-Qorti, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera semgħet kif wieħed miż-żewġ Pulizija, li hu Surġent, mar biex jipprova jofroq il-ġlieda meta Bernard Zammit ħebb għalih. Ftit wara, fil-ġlieda daħal missier iż-żewġt aħwa, li min-naħa tiegħu għamel għall-kuntistabbli l-ieħor.

Imma Bernard Zammit wieġeb mhux ħati li hedded liż-żewġ Pulizija, li weġġa’ ħafif lis-Surġent u li kissirlu n-nuċċali waqt li kien xurban f’post pubbliku. Anke l-missier wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih, fosthom li attakka Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu, li m’obdiex l-istruzzjonijiet tal-Pulizija u li ma ħalliex lill-Pulizija twettaq xogħlha.

Wara li semgħat lid-difiża, il-Qorti ħelset mill-arrest liż-żewġ akkużati sakemm ikompli jistema’ l-każ. Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €500 kull wieħed u garanzija personali ta’ €2,000 kull wieħed.