Ambjent Lokali

Possibiltà li l-anqas il-baħar ma jiffriskak

It-temperaturi tal-baħar qed jaqbżu t-30 grad celcius

Hekk kif il-mewġa tas-sħana ‘Luċifru’ qed tkompli tippersisti fuq il-gżejjer Maltin, hemm possibiltà li l-anqas il-baħar ma jiffriskak.

Dan hekk kif figuri ppubblikati mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta juru kif fl-aħħar jiem, it-temperaturi tal-baħar kienu qed jaqbżu d-29 grad celcius.

Jirriżulta li madwar il-kosta Maltija kollha, it-temperatura f’wiċċ il-baħar qed taqbeż id-29 grad celcius, u f’xi okkażjonijiet, saħansitra temperatura ogħla.

Filfatt, is-Sibt li għadda filgħaxija, kienet reġistrata temperatura ta’ 30.1 grad celcius f’wiċċ il-baħar fil-limiti ta’ Marsaskala. F’Yacht Marina partikolari, it-temperatura tal-baħar telgħet għal 31 grad celcius.

It-temperatura tal-baħar tibda tiżdied ftit ftit matul il-ġurnata minħabba r-radjazzjoni solari u tilħaq il-massimu tard waranofsinhar. Filgħaxija u matul il-lejl, il-baħar jiffriska ftit bit-temperatura ġeneralment tinżel maż-żewġ gradi celcius.

Sadanittant, hekk kif il-mewġa ta’ sħana tkompli tippersisti, hu avżat biex il-pubbliku jixrob ħafna ilma u jibqa’ ġewwa fl-eqqel tax-xemx.