Lokali

Russu jasal Malta b’bagalja sigaretti – il-Pulizija tinvestiga sejba ta’ 19,000 sigarett

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ Russu li wasal Malta b’bagalja mimlija sigaretti mhux dikjarati.

Ir-raġel twaqqaf mill-Uffiċjali tad-Dwana mill-Unit tal-Infurzar għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu wara li wasal Malta minn Riga, fil-Latvja. Hu twaqqaf wara li baqa’ ħiereġ għas-sala tal-wasliet tal-ajruport mingħajr ma ddikkjara s-sigaretti.

Fil-bagalja nstabu total ta’ 19,000 sigarett, maqsumin f’70 grossa tal-NZ American Blend u 250 pakkett sigaretti tal-istess ditta. Il-każ minnufih kien riferut lill-Pulizija.

Dan il-każ seħħ wara li l-Ġimgħa, l-Uffiċjali tad-Dwana qabdu 7,400 sigarett f’każ ieħor ta’ kuntrabandu u 4,540 sigarett fi tmiem il-ġimgħa.

Intant, f’żewġ każi separati, l-Uffiċjali tad-Dwana innutaw żewġ kunsinni ta’ sigaretti li għaddew minn Malta biex jibqgħu sejrin Spanja. L-Uffiċjali tad-Dwana nfurmaw lill-awtoritajet Spanjoli u s-sidien tal-bagalji ġew arrestati fi Spanja mal-wasla tagħhom.