Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li nqabad fil-fatt jisraq mobile mill-but ta’ raġel fis-sakra

Libjan ta’ 33 sena, u li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal tliet snin wara li nqabad fil-fatt jipprova jisraq mobile mill-but ta’ raġel li kien fis-sakra fi stabbiliment f’Paceville.

Il-każ seħħ matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u lbieraħ meta l-Libjan, Akram Khalifa Kahrir, innota lir-raġel fis-sakra u mar biex jisraqlu l-mobile mill-but. Dak il-ħin, il-‘bouncers’ tal-istabbiliment indunaw b’li kien qed jiġri u qabdu lil-Libjan fil-fatt. Ftit wara li kienet sfrattata s-serqa, il-mobile ngħadda lura għand is-sid oriġinali.

Quddiem il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u qal li ddispjaċih għal dak li għamel. Hekk kif sabitu ħati tal-akkużi, il-Qorti widdbet lil Kahrir dwar il-konsegwenzi jekk iwettaq reat ieħor tul il-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant, filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Leontine Calleja dehret għal-Libjan