Futbol Sport

UEFA SUPER CUP – Real Madrid se jaffrontaw lil Manchester United

Nhar it-Tlieta Real Madrid champions tal-Ewropa, se jilagħbu fil-finali tal-UEFA Super Cup kontra Manchester United, rebbieħa tal-Europa League.
Il-logħba se tintlagħab fil-grawnd nazzjonali tal-Maċedonja fil-belt ta’ Skopje.

Real huma l-holders ta’ din il-kompetizzjoni wara li sena ilu rebħuha kontra Sevilla. Dakinhar huma kienu tħabtu ferm biex rebħu bi skor ta’ 3-2 fil-ħin barrani. Huma kienu kisbu d-dritt li jikkontestaw il-finali li ntlagħbet fin-Norveġja wara li f’Mejju tal-2016 kienu għelbu lir-rivali Atletico Madrid bl-għoti tal-penalties fil-finali taċ-Champions League.

Din se tkun is-sitt darba li Real Madrid se jkunu qed jilgħabu fil-finali tal-UEFA Super Cup bit-tama li jirbħu t-tazza għat-tielet darba fl-istorja tagħhom. Fl-ewwel żewġ finali li kienu lagħbu huma kienu ħarġu telliefa fl-1998 u fis-sena 2000 imma rebħu t-tliet ta’ wara meta fl-2002 għelbu lil Feyenoord filwaqt li kemm fl-2014 kif ukoll sena ilu rebħu kontra Sevilla.

Minn naħa tagħhom Manchester Utd kisbu d-dritt li jikkontestaw il-finali fi Skopje wara li rebħu kontra Ajax fil-finali tal-Europa League. Huma se jkunu l-ewwel klabb sa mill-2013 li m’huwiex Spanjol u li se jkun qed jilgħab f’din il-finali.

Kontra Real, Man Utd se jippruvaw jirbħu din it-tazza għat-tieni darba fl-istorja tagħhom wara li kienu rebħuha fl-1991 kontra Red Star Belgrade b’gowl ta’ Brian McClair. Fl-1999 u fl-2008 huma tilfuha kontra Lazio u Zenit.

Il-konfront bejn il-Merengues u r-Red Devils se jkun wieħed mill-aktar interessanti hekk kif Cristiano Ronaldo se jkun qed jilgħab kontra l-eksklabb tiegħu Man Utd filwaqt li l-manager attwali ta’ Man Utd Jose Mourinho se jiltaqà kontra l-ekstim tiegħu. Ronaldo beda jilgħab ma’ Man Utd fl-istaġun 2003-04 meta dakinhar kien ingħaqad magħhom mingħand Sporting Lisbon.

Bla dubju dan se jkun theddida kbira għalihom, speċjalment meta wieħed iqis li s’issa din is-sena spikka bil-kbir. Barra minn hekk wieħed irid jara f’liema kundizzjoni fiżika se jkun fiha Ronaldo minħabba li xahar qabel se jkun għadu kemm ħa sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet mal-Portugall.

Minn naħa tiegħu Mourinho beda jmexxi lil Real fl-istaġun 2010-11, xhur wara li kien għadu kemm rebaħ it-‘Treble’ ma’ Inter. Ma’ Real hu rebaħ il-kampjonat, it-Tazza tar-Re u s-Super Cup Spanjola.

Minkejja li ma’ Man Utd kellu staġun mill-aktar diffiċli rebaħ tliet trofej, iċ-Charity Shield, il-League Cup u eventwalment l-Europa League. Grazzi għar-rebħ ta’ din it-tazza, Man Utd mhux biss kisbu d-dritt li li jikkontestaw il-finali tal-UEFA Super Cup imma anke ikkwalifikaw għaċ-Champions League.

Il-kowċ tat-tim l-ieħor, Zidane, se jipprova jirbaħ il-UEFA Super Cup għat-tieni darba fil-karriera tiegħu wara li rebaħ dan l-unur sena ilu kontra Sevilla.

L-ewwel darba li ntlagħbet il-finali tal-UEFA Super Cup kien lura fl-1973 meta dakinhar Ajax għelbu lil Rangers.