Wara ġranet ta’ temp sħun li ġab miegħu nirien fil-kampanja, issa kien imiss il-maltemp f’xi wħud minn dawn il-pajjiżi.
Maltempata qalila, akkumpanjata minn riħ u xita qawwija, ħakmet ir-reġjun tal-Balkani. It-temperaturi t-Tnejn f’daqqa waħda niżlu bi 15-il grad Celsius wara li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm temperaturi ta’ 40 grad Celsius.
F’Istria, il-Kroazja, maltemp matul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn qaċċat is-siġar u għamel ħsara lid-djar u xi toroq sfaw imblukkati.
Fis-Serbja, xita f’daqqa laqtet ir-reġjun muntanjuż fil-punent tal-pajjiż u mbagħad infirxet lejn bnadi oħra tas-Serbja.
Imma l-uffiċjali tat-temp qalu li lejn nofs din il-ġimgħa se jerġa’ jkun hemm temperaturi għoljin.
Iżda l-agħar li ntlqtet kienet l-Italja, fejn il-maltemp ħalla erba’ vittmi. Kien hemm ċittadin Belġjan li nqatel wara li waqgħet siġra għal fuqu fi Friuli, filwaqt li kien hemm vittma oħra li nqatlet bl-istess mod fil-Bellunese. Imbagħad fit-Trentino, persuna nqatlet wara li ntlaqtet minn sajjetta u mara mietet wara li żelqet u waqgħet f’irdum.






