Futbol Sport

Wenger jitlob appoġġ u fiduċja mingħand il-partitarji ta’ Arsenal

Wenger bit-trofew taċ-Charuty Shield

Jum wara li r-rebħ taċ-Charity Shield il-manager ta’ Arsenal Arsene Wenger talab lill-partitarji tat-tim biex jingħaqdu u jagħtu l-appoġġ lill-Gunners matul l-istaġun li ġej.

Nhar il-Ħadd Arsenal bdew l-istaġun fuq nota pożittiva meta għelbu lil Chelsea 5-2 bl-għoti tal-penalties, wara li l-logħba fil-ħin regolamentari spiċċat 1-1, biex il-Gunners rebħu l-Community Shield. Din il-logħba fetħet l-istaġun tal-futbol Ingliż, bl-għoti tal-penalties isiru fuq is-sistema li tissejjaħ ABBA, li tneħħi s-sekwenza ta’ penalty kull tim, sistema li ħalliet l-effett favur Arsenal, wara li Chelsea fallew żewġ penalties konsekuttivi. Din kienet it-tieni darba fi spazju ta’ ftit xhur li Arsenal rebħu kontra Chelsea hekk kif f’Mejju li għadda rebħulhom fil-finali tal-FA Cup.

Dawn iż-żewġ rebħiet bla dubju jagħtu ftit nifs lil Wenger li f’dawn l-aħħar snin kien taħt pressjoni kbira minħabba n-nuqqas ta’ suċċess li kiseb it-tim. Fl-istaġun li għadda Arsenal kellhom staġun diżappuntanti u għall-ewwel darba f’ħafna snin ma ikkwalifikawx għaċ-Champions League. It-tim immexxi minn Wenger temm fil-ħames post u issa Wenger qed jittama li l-appoġġ tal-partitarji jkun kruċjali biex it-tim tiegħu jmur aħjar.

“Il-wirja li kellna l-Ħadd kienet kontinwazzjoni ta’ dak li konna qed nuru lejn tmiem l-istaġun li għadda. Issa rridu naħdmu biex nibqgħu bl-istess ritmu. Fil-kampjonat kull logħba hi battalja kif kienet illum. Nafu li hu diffiċli biex nirbħu l-kampjonat għax qed nikkompetu fl-aktar kampjonat diffiċli imma se nagħmlu minn kollox biex nikkuntentaw lill-partitarji u fl-istess waqt nitlobhom l-appoġġ tagħhom. Bla dubju li matul l-istaġun se jkun hemm mumenti fejn matulhom inkunu f’forma tajba u mumenti li fihom ma tantx inkunu qed nilagħbu tajjeb. F’kull mument irridu l-appoġġ,” qal Wenger.

Il-finali tal-Ħadd kienet l-ewwel darba sa mill-2007 li kienet ripetizzjoni tal-finali tal-FA Cup tal-istaġun preċedenti.

Lura fl-2007 Man Utd kienu għelbu lil Chelsea bl-għoti tal-penalties xhur wara li kienu tilfu kontrihom 1-0 fl-FA Cup. Fatt kurjuż hu li bir-rebħa tal-Ħadd li għadda Arsenal daħlu fl-istorja għax ir-rebbieħa tal-FA Cup qatt ma kienu rebħu kontra l-istess avversarji fil-finali taċ-Charity Shield.
Il-finali tal-Ħadd kienet it-tielet finali taċ-Charity Shield bejn Arsenal u Chelsea u s’issa Arsenal rebħu tnejn minnhom.

Il-Gunners jittamaw li jagħmlu dak li kienu għamlu Man Utd fl-2010. Dan għaliex ir-Red Devils kienu l-aħħar tim li rebaħ il-kampjonat wara li rebaħ iċ-Charity Shield.

Se jserraħ il-plejers fl-Europa League
Minħabba li Arsenal spiċċaw fil-ħames post tal-kampjonat dawn ma ikkwalifikawx għaċ-Champions League u se jkunu qed jilagħbu fl-Europa League. Wenger diġa’ żvela li f’din il-kompetizzjoni se jkun qed iserraħ il-plejers għax il-prijorità tiegħu hi l-kampjonat.

Wenger qal ukoll li hu kontra l-fatt li r-rebbieħ tal-Europa League jikkwalifika għaċ-Champions League. Matul l-aħħar snin Sevilla u Manchester Utd ikkwalifikaw għal din il-kompetizzjoni wara li rebħu l-Europa League.

“Minn dejjem għidt li jien kontra din is-sistema. Il-fatt li tim jaf li jekk jirbaħ l-Europa League jaffettwa l-kampjonat. Dan għaliex jekk f’April ikun hemm ċans li tim jirbaħ din il-kompetizzjoni jibda jserraħ plejers fil-kampjonat,” spjega Wenger.