Lokali

L-AĦĦAR ŻVILUPPI: Il-Golfo Azzurro ibaħħar lejn l-Italja; imwaqqaf mill-Guardia Costiera

“Malta għandha dritt ma tħallix il-bastiment jidħol” - Chris Fearne

Fl-aħħar minuti t-trawler Golfo Azzurro (immexxi mill-organizzazjoni Open Arms) beda jbaħħar lejn l-ibħra territorjali Taljani, għalkemm jidher illi għad m’hemmx permess biex dan jidħol f’xi port Taljan. Fil-fatt, skont is-sit Marine Traffic jidher illi t-trawler wasal eżatt sal-periferija tal-ibħra Taljani u bħalissa l-Golfo Azzurro għadu f’zona internazzjonali tat-tbaħħir.

Biswit it-trawler hemm il-patrol boat Taljana CP325 tal-Guardia Costiera Taljana, illi qed tgħasses il-bastiment tal-għaqda volontarja Open Arms. Għall-ħabta tas-6pm l-Golfo Azzurro kien qed ibaħħar lejn il-Punent, bejn Sqallija u Malta.

Il-linja ħamra tindika l-aħħar movimenti tat-trawler lejn it-Tramuntana
Il-linja vjola tindika l-konfini tal-ibħra territorjali Taljani

AKTAR KMIENI

Il-bastiment Golfo Azzurro, illi fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn salva numru ta’ immigranti mill-baħar, għadu bejn sema u ilma. Dan wara li kemm l-awtoritajiet Maltin kif ukoll l-awtoritajiet Taljani ma tawx permess biex it-trawler jidħol l-art.

F’kummenti lill-media, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne insista li Malta għandha dritt iżomm lil dan il-vapur milli jidħol. “Malta qed timxi mal-liġi internazzjonali”, sostna Fearne. L-aktar port qrib is-salvataġġ, skont Chris Fearne, kien Lampedusa u mhux Malta. U għalhekk kien dmir tal-Italja li ssalva lil dawn l-immigranti.

Intant, ħarġu aktar stejjer xokkanti relatati ma’ dak illi seħħ fl-aħħar 48 siegħa. Dan wara li sar magħruf kif il-Gwardja tal-Kosta Libjana sparat tiri lejn it-trawler Golfo Azzurro, meta kien qed isir is-salvataġġ tal-immigranti.

“Dan hu att li wieħed jiddeplora”, sostna membru tal-ekwipaġġ, illi qed jiftaħ il-kanuni anke kontra Malta u l-Italja. “Iż-żewġ pajjiżi mhux jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom”.

L-istazzjon La Sexta qed jikkwota rapporti ta’ komunikazzjoni bir-radju illi kien hemm bejn it-trawler u l-awtoritajiet Libjani, fejn il-Libjani qalulhom “tersqux ‘l hawn, mhux niċċajtaw”.

Sa issa għadu mhux magħruf eżatt kemm hemm immigranti fuq il-bastiment Golfo Azzurro.

Skont Chris Fearne, din il-pożizzjoni konflinġenti mal-Italja hija biss “inċident iżolat”.