Lokali

IL-KAŻ TAL-GOLFO AZZURRO: “Malta għandha dritt ma tħallix il-bastiment jidħol”

"Malta u l-Italja jfarfru r-responsabbiltajiet tagħhom" - membru tal-ekwipaġġ

Il-bastiment Golfo Azzurro, illi fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn salva numru ta’ immigranti mill-baħar, għadu bejn sema u ilma idur fl-istess zona fejn kien ilbieraħ. Dan wara li kemm l-awtoritajiet Maltin kif ukoll l-awtoritajiet Taljani ma tawx permess biex it-trawler jidħol l-art.

F’kummenti lill-media, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne insista li Malta għandha dritt iżomm lil dan il-vapur milli jidħol. “Malta qed timxi mal-liġi internazzjonali”, sostna Fearne. L-aktar port qrib is-salvataġġ, skont Chris Fearne, kien Lampedusa u mhux Malta. U għalhekk kien dmir tal-Italja li ssalva lil dawn l-immigranti.

Intant, ħarġu aktar stejjer xokkanti relatati ma’ dak illi seħħ fl-aħħar 48 siegħa. Dan wara li sar magħruf kif il-Gwardja tal-Kosta Libjana sparat tiri lejn it-trawler Golfo Azzurro, meta kien qed isir is-salvataġġ tal-immigranti.

“Dan hu att li wieħed jiddeplora”, sostna membru tal-ekwipaġġ, illi qed jiftaħ il-kanuni anke kontra Malta u l-Italja. “Iż-żewġ pajjiżi mhux jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom”.

L-istazzjon La Sexta qed jikkwota rapporti ta’ komunikazzjoni bir-radju illi kien hemm bejn it-trawler u l-awtoritajiet Libjani, fejn il-Libjani qalulhom “tersqux ‘l hawn, mhux niċċajtaw”.

Sa issa għadu mhux magħruf eżatt kemm hemm immigranti fuq il-bastiment Golfo Azzurro.

Skont Chris Fearne, din il-pożizzjoni konflinġenti mal-Italja hija biss “inċident iżolat”.

Filmat tat-trawler Golfo Azzurro