Elezzjoni Kap PN Lokali

“Qalbna mal-Ħaddiema” – Chris Said

L-għafsa fuq il-pagi, speċjalment dawk medji u baxxi, in-nuqqas ta’ ħolqien ta’ mpjiegi f’oqsma ġodda tal-ekonomija u mal-privat, l-inugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u l-isfruttament tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol kienu t-temi prinċipali li tkellem dwarhom il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said meta t-Tlieta wara nofsinhar iltaqa’ mat-tmexxija tal-UHM Voice of the Workers fl-uffiċċju tagħhom il-Floriana.

Chris Said spjega kif minkejja l-waqa’ fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija fl-aħħar snin, il-Maltin, speċjalment il-ħaddiema u l-pensjonanti iżda wkoll in-negozji tagħna, ma gawdew xejn minn dan irroħs dinji. Minflok, il-gvern ħeba t-taxxi fil-prezzijiet bħal ma għamel aktar kmieni dan ix-xhar meta żied, b’mod goff il-prezz tal-gass. Bħall-prezzijiet esaġerati għall-gass, il-ħaddiem Malti qed iħallas prezzijiet esaġerati kull darba li jagħti l-petrol u d-diesel lill-karozza. Dawn kollha huma piżijiet kbar fuq il-ħaddiema bi dħul medju u baxx u l-Gvern ma jistax jibqa’ jkun insensittiv quddiem dawn it-taxxi. Il-ħaddiem ma jikolx bi kliem sabiħ u wegħdi fiergħa, iżda billi l-Gvern jimxi b’ġustizzja soċjali u lillħaddiem jinċentivah u mhux jagħmillu ħajtu aktar diffiċli, qal il-kandidat għall-Kap tal-PN.

Chris Said spjega kif dawn iz-żidiet fil-prezz tal-gass u l-fuels jingħaqdu ma’ aktar għoli tal-ħajja. Fakkar kif l-ikel jirriżulta miċ-ċifri tal-Gvern stess li qed jogħla b’rata qawwija ta’ 6%. Ma’ dawn wieħed iżid iż-żidiet esaġerati fil-kirjiet, mhux l-anqas dawk tal-housing soċjali, u fuq kollox dawk kummerċjali, fejn iż-żidiet issa qabżu kull limitu u qed isallbu eluf kbar ta’ familji.

It-triq ’il quddiem, qal Chris Said, mhix din it-tip ta’ politika fejn fil-media l-gvern jiftaħar li l-ekonomija sejra tajjeb u li dan hu l-aqwa żmien ta’ pajjizna, u fl-istess waqt eluf ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom qed isibu diffikultajiet kbar biex il-paga sservihom sal-aħħar tax-xahar.

Il-kandidat għall-Kap tal-PN qal illi qasam ieħor fejn pajjiżna qed jaqa’ lura hu fl-avvanz tal-mara fiddinja tax-xogħol. Chris Said fakkar kif fl-aħħar erba’ snin – skont rapport tal-World Economic Forum – in-nisa Maltin, meta mqabbla man-nisa f’pajjiżi oħra, waqgħu lura 24 post, mill-84 post għall-108.

Dan hu l-agħar post li Malta qatt kienet fih f’dan ir-rapport: fis-sehem tan-nisa Maltin fil-ħajja pubblika, lura 29 post, mit-53 ghat-82; fil-pagi tan-nisa Maltin, waqgħa lura ta’ 30 post, mis-87 ghall-117; fil-kejl ta’ kemm huma ndaqs fil-pagi mal-irġiel, lura 30 post, mid-19 ghad-49; fl-edukazzjoni tan-nisa, waqgħa ta’ 53 post, mit-58 ghall-111.

Din mhix sitwazzjoni aċċettabbli daqs kemm mhix aċċettabbli s-sitwazzjoni mifruxa ta’ ħaddiema li qed jiġu sfruttati fuq il-post tax-xogħol. Il-ġlieda kontra l-prekarjat, qal Chris Said, trid aktar snien biex taqta’ fil-laħam il-ħaj.

Mhux aċċettabbli li ħaddiema Maltin qegħdin jingħataw pagi baxxi hafna u jiġu mhedda li jekk ma jaċċettawhomx jitkeċċew mix-xogħol biex jiġu ħaddiema barranin minflokhom. La l-ħaddiem Malti u lanqas dak barrani ma għandhom jiġu sfruttati, qal il-kandidat għall-Kap tal-PN.

Chris Said żied li kull ma jmur qed jidher ċar li s-soluzzjoni tal-Gvern għall-ħolqien tal-impjiegi hi li jifqa’ s-settur pubbliku minflok jiġbed lejn pajjiżna oqsma ġodda tal-ekonomija li joħolqu xogħol dinjituż u li jħallas tajjeb. Said qal li kuljum qed jaslulu rapporti ta’ transfers vendikattivi f’dipartimenti tal-Gvern. Qal li bħala Kap tal-PN se jindirizza din is-sitwazzjoni u jikxef lil min qiegħed jabbuża.

“Bħala Kap tal-PN se nkun qiegħed nvara proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, min iħaddem u l-ħaddiema, biex flimkien naraw x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema f’pajjiżna u nibda, mingħajr telf ta’ żmien, nelenka l-proposti ta’ Gvern Nazzjonalista għall-ħaddiema u min iħaddem. Jien irrid li mill-ġdid il-PN jerga’ jkun il-partit li qalbu verament hi mal-ħaddiema,” qal il-kandidat għallKap tal-PN Chris Said