R.MADRID………………….2
MAN UTD……………………1
Fil-grawnd nazzjonali tal-Maċedonja fil-belt ta’ Skopje, Real Madrid għelbu lil Manchester United bi skor ta’ 2-1 biex bdew l-istaġun bir-rebħ tal-UEFA Super Cup. Dawn iż-żewġ timijiet kienu kisbu d-dritt li jilagħbu din il-finali wara li f’Mejju li għadda Real kienu rebħu ċ-Champions League u Man Utd l-Europa League.
Dan kien it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fi spazju ta’ ftit ġimgħat hekk kif ftit ġimgħat ilu ltaqgħu f’logħba ta’ ħbiberija meta dakinhar kienu Man Utd li rebħu bl-għoti tal-penalties.
Għall-manager ta’ Man Utd Jose Mourinho din kienet telfa kontra l-ekstim tiegħu Real Madrid filwaqt li għal Cristano Ronaldo, anke jekk lagħab biss ftit minuti lejn it-tmiem, din kienet rebħa kontra l-ekstim tiegħu.
Grazzi għal dan is-suċċess Real anke ddefendew din it-tazza li diġa’ rebħu sena ilu kontra Sevilla.
Din kienet ir-raba’ darba li Real rebħu din it-tazza filwaqt li fl-istess ħin ċaħdu lil Man Utd milli jirbħuha għat-tieni darba fl-istorja tagħhom.
Real Madrid fetħu l-iskor fl-24 minuta meta b’intelliġenza Carvajal għadda ballun minn fuq id-difiża tal-avversarji, ballun li spiċċa għand CASEMIRO li skurja mill-viċin.
Ftit minuti wara li bdiet it-tieni taqsima Real komplew bid-dominju tagħhom li kellhom fl-ewwel taqsima u skurjaw gowl ieħor. Din id-darba kien ISCO li sab ix-xibka wara li bidel il-ballun ma’ Bale.
Mas-siegħa logħba iċ-champions Ewropej kienu ferm sfortunati meta Gareth Bale laqat il-lasta b’xutt b’saħħtu mill-viċin u ta’ dan pattew qares għax minuta wara Man Utd daħlu fil-logħba meta naqqsu d-distakk. Kien l-akkwist il-ġdid Matic li prova xutt minn barra l-kaxxa li bih impenja lill-gowlkiper Navas li naqas milli jżomm u pront kien l-akkwist il-ġdid l-ieħor LUKAKU li skurja mir-rebound biex għamel l-iskor 2-1.
Issa Manchester United jerġgħu jkunu fl-azzjoni fi tmiem il-ġimgħa meta jibdew l-impenji tagħhom fil-Premiership bil-logħba kontra West Ham Utd filwaqt li l-Merengues jilagħbu fil-finali tas-Super Cup Spanjola kontra r-rivali Barcelona.
//= $special ?>