Elezzjoni Kap PN Lokali

Strutturi ġodda biex il-Kumitati Sezzjonali jkollhom rwol politiku akbar

Il-Partit Nazzjonalista għandu jkollu kumitat distrettwali maħtur minn żewġ membri eletti mill-Kumitati Sezzjonali biex dawn il-membri jkunu l-leħen ta’ dik is-sezzjoni fuq livell distrettwali.
 
Qal dan il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione meta kompla jħabbar aktar proposti bħala parti mill-kampanja ‘Partit Rebbieħ’.
 
Alex Perici Calascione qal li l-Kumitat Distrettwali jkun mistenni li jippreżenta dokument fil-Kunsill Ġenerali bix-xogħol li jkun qed jagħmel  biex l-aqwa ideat jgħaddu quddiem il-Kumitat Eżekuttiv u eventwalment l-esperti, biex isiru parti mill-politika tal-pajjiż.
 
Il-kandidat għal Kap tal-PN spjega li dan kollu għandu jsir għal skop wieħed: biex il-politika ssir min-nies għan-nies”.
 
“Irridu li jkollna diskussjoni f’kull livell tal-Partit Nazzjonalista biex il-politika tagħna tkun verament waħda min-nies għan-nies”, spjega Perici Calascione.
 
Alex Perici Calascione fakkar li hu jemmen li l-Partit Nazzjonalista għandu jaġġorna l-politika tiegħu biex ikun jista’ jifhem aktar ir-realtajiet tas-soċjetà. Żied jispjega li biex il-partit ikun jista’ jaġġorna l-politika tiegħu, l-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li jagħti spazju lil kulħadd fil-partit biex ikun parteċipi f’dan il-proċess.
 
Hu fakkar fil-proposta li qed jagħmel biex titwaqqaf Kummissjoni apposta li tiltaqa’ ma’ kull min hu involut bl-iskop li din tipproponi modi kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jaġġorna l-politika tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir Partit Rebbieħ.
 
Alex Perici Calascione spjega li din il-proposta hija parti mill-viżjoni tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jwettaq politika min-nies għan-nies.
 
“Wieħed mill-modi kif noħolqu politika min-nies għan-nies huwa billi nagħtu spazju akbar lill-Kumitati Sezzjonali biex ikollhom rwol politiku akbar;”
 
“Il-Kumitati Sezzjonali huma s-swaba’ tal-partit. Huma l-uċuħ tal-partit fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin u għaldaqstant jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru tal-politika tal-partit,” żied jispjega l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
 
Alex Perici Calascione qal li jirrikonoxxi li minħabba r-realtajiet diffiċli li kellna niffaċċjaw matul l-aħħar snin, ir-rwol tal-Kumitati Sezzjonali sar prinċiparjament sors ta’ fondi mingħand l-attivisti tal-partit. Madanakollu, Perici Calascione żied li l-Kumitati Sezzjonali għandhom ikollhom rwol ferm akbar minn hekk.
 
“Il-membri tal-Kumitati Sezzjonali se jkollhom rwol u mezz effettiv ta’ kif titfassal il-politika tal-partit għaliex din tkun qed titfassal kontinwament u b’mod regolari u tkun gejja mill-għeruq tal-partit li huma l-aktar viċin is-soċjetà fil-komunitajiet tagħna,” temm jgħid Alex Perici Calascione.