Lokali

RITRATT: Taħbat, tifqa siġra, tkisser il-bollards, tħalli l-karozza fil-post…u tibqa’ sejra x-xogħol

Il-vettura tal-Ingliża
Il-mara Ingliża ħarbet mill-post bil-mixi u baqgħet sejra għall-ġurnata tax-xogħol tagħha

Inċident stramb ħafna seħħ dalgħodu f’Tas-Sliema meta karozza tat-tip Kia Avella baqgħet dieħla fuq il-promenade fi Triq it-Torri. Il-każ seħħ fil-5:15am.

Jirriżulta li l-Ingliża ta’ 49 sena tilfet il-kontroll tal-karozza tagħha, baqgħet dieħla f’siġra, kissret tliet bollards, kisret xi madum tal-paviment sakemm waqfet fuq l-istess promenade. Iżda dan ma kienx biżejjed.

Net News huwa nfurmat illi l-mara, residenti Tas-Sliema stess, ħalliet il-karozza fejn kienet u baqgħet sejra ix-xogħol.

Fil-fatt, il-Pulizija sabu lill-mara aktar tard fil-post tax-xogħol fejn taħdem.

Aktar investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejin.