Atletika Sport

Atletika – Suċċess għal Wayde Van Niekerk fl-400 metru

Wayde Van Niekerk iddomina fl-400m

Fil-ħames ġurnata tal-Kampjonati Mondjali tal-atletika li qed isiru f’Londra spikka s-suċċess tal-atleta mill-Afrika t’Isfel Wayde Van Niekerk li rebaħ il-finali tal-400m. Wieħed jista’ jgħid issa la darba Bolt se jirtira mill-isport jidher li l-fenomenu fl-atletika hu proprju Wayde Van Niekerk li tard it-Tlieta filgħaxija rebaħ il-400m b’ħin ta’ 43.98’ biex daħal qabel Steven Gardiner tal-Bahamas u Abdallah Haroun tal-Qatar.

Minkejja li l-ħin li għamel Wayde Van Niekerk hu ta’ kważi sekonda aktar minn dak li għamel sena ilu meta waqqaf rekord dinji waqt l-Olimpjadi ta’ Rio, hu xorta waħda kellu vantaġġ tajjeb mill-avversarji tiegħu.

Fil-finali tat-800 metru kien hemm sorpriża minn Pierre Ambroise Bosse ta’ Franza li daħal qabel Adam Kszczot tal-Polonja u Kipyegon Bett tal-Kenja.

Fil-finali tat-3000m steeplechase kien hemm dominju minn naħa ta’ Conseslus Kipruto tal-Kenja li rebaħ fi tmien minuti 14.12 sekondi qabel Soufiane ElBakkali tal-Marokk u Evan Jager tal-Istati Uniti.

Fil-Pole vault finali milli-isbaħ mirbuħa minn sam Kendricks tal-Istati Uniti li qabeż 5.95 metri biex temm qabel Pintr Lisek tal-Polonja u Renaud Lavillenie ta’ Franza.