Lokali

FILMAT: Jippreferi jmur il-ħabs flok ineħħulu l-annimali – L-istorja ta’ Austin, li jrabbi 30 kelb u qattusa

Austin Borg qed jitlob lill-Gvern għall-għajnuna wara li l-Qorti ddeċidiet li ma jistax jibqa’ jrabbi 30 kelb u qattusa fid-dar tiegħu. F’kwistjoni mal-ġirien, il-Qorti ddeċidiet li Austin jew ineħħi l-annimali, jew inkella jmur jgħix band’oħra.

“Immaġina għandek il-familja u joħdulek it-tfal. Sew hekk? Għax hekk qisu għamlu. Għandek erbat ulied u minn erba’ trid tnaqqas tnejn. Lil min se tnaqqas jekk ġibthom l-erbgħa li huma fid-dinja? U dawn mhux hekk huma?” qalilna Austin, fl-entratura tad-dar fejn hu jgħix flimkien mal-annimali tiegħu.

B’kollox Austin għandu 16-il kelb u 14-il qattusa. U lil dawn, iħobbhom ħafna. Austin mhuwiex miżżewweġ, u l-anqas għandu tfal. Iżda l-klieb u l-qtates qishom it-tfal tiegħu. “Inħobbhom ħafna,” qalilna Austin. “Li nħobb lilhom ifisser li nħobb kull kelb u kull annimal,” żied ifisser.

Waqt li rrakkuntalna kif iqatta’ l-ġurnata, Austin qalilna li ilu jħobb l-annimali sa minn meta kien għadu żgħir, tant li jgħid li l-annimali huma ħajjtu.

Austin Borg – Irabbi 30 annimal (Ritratt: Martin Agius)

Imma l-isfida għal Austin illum hija li jsib l-għajnuna mill-Gvern biex ikun jista’ jmur jgħix jew jaħdem x’imkien ieħor, b’mod li jagħmilha aktar faċli għalih li jibqa’ jrabbi l-annimali li tant iħobb. Hu spjegalna li diġa għamel kuntatt mal-awtoritajiet biex jipprova jikseb l-għajnuna tagħhom, madanakollu kollox baqa’ fl-ajru.

Is-sentenza tal-Qorti tinsab fi stadju ta’ appell, u sadanittant, Austin jgħidilna li mingħajr l-annimali tiegħu ma jgħaddix. “Użgur li le. Jien mhux għalhekk qed niġġieled għad-drittijiet tagħhom? Mhux għalhekk qed niġġieled għad-drittijiet tiegħi u biex nibqa’ ngħix magħhom?” qal Austin. “Għidtilhom fil-Qorti… jekk iridu jneħħu l-annimali għal kollox u jagħtuhom għall-addozzjoni, lili jistgħu jitfgħuni l-ħabs,” żied jgħid.

Ma’ NETNews, Austin spjega li irrispettivament mis-sentenza tal-Qorti, qatt mhu se jċaħħad lil xi annimal fil-bżonn il-kenn tad-dar tiegħu. “Toqgħodx tgħidli tara kelb qiegħed barra f’dik is-sħana, għandu bżonn l-għajnuna, u ma ntihilux minħabba l-Qorti. Użgur li ntihielu,” temm jgħidilna.

Austin Borg, mhux miżżewweġ u bla tfal, jgħix mal-klieb u l-qtates fid-dar tiegħu fil-Marsa (Ritratt: Austin Borg)
Austin qal lil NETnews li jippreferi jmur il-ħabs jekk ineħħulu l-annimali