Fortunatament, inċident fil-mini ta’ Triq Reġjonali ma kellux konsegwenzi ferm aktar gravi meta f’temp ta’ tliet minuti, skidjaw mas-sitt muturi minħabba diesel mal-art.
Sewwieq ta’ wieħed mill-muturi involuti li kellu kamera tirrekordja kollox, fuq Facebook esprima r-rabja tiegħu peress li dan l-inċident seħħ minħabba xi sewwieq li ma ħax ħsieb il-vettura tiegħu sew, b’konsegwenza li waqa’ d-diesel mal-art.
Fil-filmat jidher l-ewwel mutur jiskidja taħt il-mini, minkejja li dan kien qed jinstaq relattivament bil-mod. Skont is-sewwieq tal-mutur li kien qed jirrekordja kollox, fuq l-ewwel mutur kien hemm żewġ persuni ta’ nazzjonalità Taljana, li fil-filmat jidhru lebsin ilbies tas-sajf.
Wara l-ewwel mutur kien hemm mutur ieħor misjuq mis-sewwieq li kien qed jiffilmja l-inċident. Anke dan il-mutur skidja, u b’konsegwenza ħabat mal-mutur ta’ quddiemu.
Fl-istess filmat jidher mutur ieħor jinstaq, iżda dan irnexxielu jiżgiċċa d-diesel. Imma jgħaddu biss ftit sekondi qabel fil-filmat jidher ġej it-tielet mutur, li wkoll jiskidja minħabba d-diesel.
Imma skont sid il-filmat, b’kollox kienu sitt muturi li skidjaw f’temp ta’ tliet minuti. Dan ifisser li mhux eskluż li kien hemm muturi oħra li wkoll skidjaw f’xi ħin ieħor.
Kelliema għall-Pulizija qalet lil NET News li ma sarx rapport uffiċjali dwar dan l-inċident, aktarx peress li l-inċident ma ħalliex midruba. Spjegat li f’ċirkustanzi bħal dawn, ikunu l-Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jneħħu d-diesel mill-art.
Filmat: David Schembri, MaltaMotorcycles
//= $special ?>