Futbol Sport

FUTBOL – Zidane u Real għatxana għal aktar suċċess

Il-kowċ ta’ Real Madrid Zinedine Zidane qal li hu u l-plejers tat-tim huma għatxana għal aktar suċċess wara li tard it-Tlieta filgħaxija rebħu l-UEFA Super Cup meta fil-finali għelbu lil Manchester Utd bi skor ta’ 2-1.

Fil-grawnd nazzjonali tal-Maċedonja fil-belt ta’ Skopje, Real rebħu 2-1 biex bdew l-istaġun bir-rebħ tal-UEFA Super Cup wara li f’Mejju li għadda rebħu kemm il-kampjonat u anke ċ-Champions League.

Grazzi għal dan is-suċċess Real anke ddefendew din it-tazza li diġa’ rebħu sena ilu kontra Sevilla. Din kienet ir-raba’ darba li Real rebħu din it-tazza filwaqt li fl-istess ħin ċaħdu lil Man Utd milli jirbħuha għat-tieni darba fl-istorja tagħhom.

“Nafu li għandna tim bi plejers ta’ talent kbir u jekk jaħdmu kif suppost kapaċi jirbħu ħafna aktar unuri milli diġa’ rbaħna. Nirbħu kemm nirbħu nibqgħu għatxanin għar-rebħ. Il-wirja li kellna llum kienet kważi perfetta. Kien biss f’xi mumenti wara l-gowl tagħhom li naqqasna ftit mir-ritmu,” qal Zidane.

Interessanti l-fatt hu li Real Madrid issa ilhom jiskurjaw għal dawn l-aħħar 66 partita.

Intant, il-manager ta’ Man Utd Jose Mourinho lmenta minħabba li la ntużatx is-sistema tal-VAR (Video Assistant Refereee) fl-ewwel gowl ta’ Real skurjat minn Casemiro, gowl li skont Mourinho kellu jitħassar.

“Lagħbna tajjeb u tlifna b’distakk ta’ gowl. Ma rridux ninsew li gowl minn tagħhom wasal minn pożizzjoni ta’ offide u hi ħassra li ma kinitx użata s-sistema tat-teknoloġija għax li kieku konna mmoru għal ħin barrani,” qal Mourinho.

Mourinho kompla billi qal li l-konfront kien wieħed bilanċjat fejn Real kienu aħjar fl-ewwel taqsima filwaqt li t-tim tiegħu kien aħjar fit-tieni taqsima.

Ta’ min jinnota li filwaqt li Mourinho rebaħ diversi unuri matul il-karriera tiegħu għadu qatt ma rebaħ il-UEFA Super Cup u din kienet il-ħames darba li hu naqas milli jirbaħ logħba kompetittiva kontra l-ekstim tiegħu Real Madrid.

Issa Manchester United jerġgħu jkunu fl-azzjoni fi tmiem il-ġimgħa meta jibdew l-impenji tagħhom fil-Premiership bil-logħba kontra West Ham Utd filwaqt li l-Merengues jilagħbu fil-finali tas-Super Cup Spanjola kontra r-rivali Barcelona.