Lokali

KONFERMATA: Il-Golfo Azzurro se jitħalla jidħol Sqallija; bħalissa għadu ankrat barra Pozzallo

Qrib it-trawler hemm il-Guardia Costiera Taljana

Wara li dalgħodu it-trawler Golfo Azzurro beda jbaħħar lejn l-Italja, dan is-sit jinsab f’pożizzjoni illi jikkonferma li l-bastiment għandu l-awtorizzazjoni biex jidħol Sqallija. Fil-fatt, il-Golfo Azzurro se jniżżel l-immigranti fil-port ta’ Pozzallo. Sa issa, it-trawler għadu ankrat madwar 6 mili ‘il barra mill-kosta ta’ Sqallija.

Skont is-sit MarineTraffic.com jidher ċar li t-trawler daħal fl-ibħra territorjali Taljani. Qrib il-bastiment Spanjol hemm il-patrol boat Taljana CP325. Il-Golfo Azzurro bħalissa jinsab fuq l-ankri.

Kelliema għall-bastiment ikkonfermatilna li hemm l-awtorizzazjoni sabiex it-tliet immigranti jitniżżlu Pozzallo. Dan l-operazzjoni mistennija sseħħ fis-sigħat li ġejjin.

Sa kmieni filgħodu t-trawler Golfo Azzurro tal-organizzazjoni Open Arms kien għadu qed jinżamm ‘il barra mill-ibħra territorjali Taljani f’tilwima taħraq bejn Malta u l-Italja dwar min minnhom għandu jieħu t-tliet immigranti li nġabru mill-istess trawler fis-sigħat bikrin tat-Tnejn.

Kien it-Tlieta wara nofsinhar meta t-trawler beda jbaħħar lejn it-Tramuntana u wasal sal-periferija tal-ibħra Taljani, ‘il barra minn Sqallija. Għal xi ħin, il-Golfo Azzurro kien qed jiġi miżmum mill-Guardia Costiera Taljana sabiex ma jidħolx fil-portijiet Taljani.