Lokali Qorti

Iben Yana Mintoff Bland jgħid li l-eks sieħeb tagħha fera lilu nnifsu

Espert tal-Qorti jgħid li kampjuni tad-demm inġabru biss mit-taraġ

Gheorghe Popa, l-eks sieħeb ta’ Yana Mintoff Bland, kien mentalment instabbli u aggressiv meta pprova jattakka lil bint l-eks Prim Ministru Mintoff. Tant hu hekk li hu fl-ebda ħin ma spiċċa ferut minn Yana jew binha, iżda l-feriti għamilhom lilu nnifsu.

Hekk iddikjara fil-Qorti Daniel Mainwaring, iben Yana, meta qed ikompli jinstema’ l-każ kontra Popa, akkużat li żamm lil Mintoff Bland kontra l-volontà tagħha, li pprova jferiha serjament u li fera ħafif lilha u lil binha Daniel bi strument li jaqta’ u bil-ponta.

Min-naħa tiegħu, espert tal-Qorti li kien mar fil-post iddikjara li kampjuni tad-demm ittieħdu biss mit-taraġ u mhux mill-kamra tas-sodda għax qal li ma kienx possibbli għalih jiġbor kampjuni minn kull post li kien hemm id-demm.

Popa qed ikun akkużat ukoll li ġarr miegħu arma, li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr il-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u li hedded verbalment liż-żewġ persuni, fost l-oħrajn. Dan meta qed jingħad li l-każ seħħ minħabba għira li ħakmet lill-akkużat appena bint il-Perit Mintoff temmet ir-relazzjoni minn miegħu.

Mal-wasla tagħhom fir-residenza ta’ Yana Mintoff Bland, il-Pulizija sabu lil Popa mistoħbi f’siġra b’madwar ħames feriti kkawżati minn sikkina. Iżda iben Yana qed isostni li dakinhar ma sar l-ebda kuntatt minnu jew minn ommu, tant li ħarbu mill-kamra appena saret l-aggressjoni.

L-Avukat Benjamin Valenzia, li qed jidher għall-akkużat, staqsa lil Daniel Mainwaring kif seta’ sema’ l-argument minn kamra oħra meta hu kien qed idoqq strument mużikali. Iżda hu wieġeb li ma kienx qed idoqq il-ħin kollu u għalhekk seta’ faċilment jinduna bl-għajjat.

Ix-xhud ma kienx jaf iwieġeb b’liema id l-akkużat kien qed jattakka lil ommu għax qal li ma jiftakarx, għalkemm kompla li aktarx kienet l-id il-leminija jekk wieħed jinnota f’liema partijiet tal-ġisem kienu l-feriti.

Daniel Mainwaring kompla li Popa kien fiżikament possessiv fuq Yana, għalkemm qatt ma wettaq xi att vjolenti fil-konfront tagħha. Min-naħa tiegħu, Daniel qal li qatt ma kkonfronta lil Popa għax kien jara li ma tistax tirraġuna miegħu.