Lokali Qorti

Ikompli jinstema’ l-każ tal-priġunier li kellu trapjant tal-kliewi

Raġel li beda jiskonta sentenza ta’ ħabs ressaq rikors sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li skont hu, mhux qed jingħata l-kura meħtieġa għall-kundizzjoni tiegħu li wasslet għal trapjant ta’ kilwa.

Christopher Bartolo ta’ 36 sena mill-Fontana, Għawdex qed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs u mmultat €15,000 wara li ammetta l-akkużi ta’ traffikar ta’ kilo u nofs droga kannabis f’April li għadda.

Bartolo għandu kundizzjoni medika fil-kliewi li jkollu bżonn dialysis fuq bażi regolari fl-Isptar Mater Dei.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin David Scicluna u Joseph Zammit McKeon, semgħet dwar il-kundizzjoni medika ta’ Bartolo u t-trattament li qed jingħata.

Waqt is-seduta xehed Saviour Lia, correctional manager fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, li qal li Christopher Bartolo daħal il-ħabs fis-27 ta’ April wara s-sentenza tal-Qorti Kriminali u l-management tal-Faċilita’ Korrettiva beda jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Imħallef Edwina Grima dwar il-kundizzjonijiet mediċi u psikoloġiċi tal-priġunier, kif ukoll il-ħtieġa li jibda programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Lia qal li Bartolo ttieħed fir-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei tliet darbiet fil-ġimgħa sabiex jingħata t-trattament. Hu qal li f’każ partikolari, kien innutat li l-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar u Bartolo kien inżamm l-Isptar bejn id-19 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju.

Kwistjoni oħra li ssemmiet fil-Qorti hi l-kwistjoni tar-rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga, fejn l-applikazzjoni tiegħu mal-programm tal-Caritas kienet ipproċessata fi żmien qasir iżda mbagħad Bartolo stess naqas milli jirreġistra minħabba li ż-żjajjar mill-familja jitnaqqsu drastikament.

Mistoqsi mid-difiża jikkonferma jekk Bartolo ma ddaħħalx fil-programm ta’ rijabilitazzjoni għaliex m’hemmx il-faċilitajiet li jakkommodaw il-kundizzjoni speċjali tiegħu, Saviour Lia qal li ma waslux f’dan l-istadju għaliex Bartolo kien diġa’ irrifjuta li jmur minħabba t-tnaqqis fiż-żjarat mill-familja tiegħu.

L-Uffiċjal tal-Ħabs qalu li mhux biss Bartolo kien akkumpanjat regolarment għat-trattament fl-Isptar iżda l-awtoritajiet segwew ukoll l-istrazzjonijiet tat-tobba għal dak li għandu x’jaqsam mal-ikel, iżda id-difiża ikkontestat dan u tenniet li kien biss f’dawn l-aħħar ġranet li l-awtoritajiet tal-ħabs kienu qed isegwu r-rakkomandazzjonijiet dwar l-ikel.

Il-każ ikompli.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għal Christopher Bartolo filwaqt li l-Avukat Giannella Busuttil mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed tirrappreżenta l-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.