Il-Kelliem tal-Oppożżizzjoni dwar l-Ambjent Karol Aquilina fi stqarrija jirreferi għall-protesta li saret ilbieraħ filgħaxija mir-residenti ta’ Pembroke dwar il-proposta li tinbena skola privata fuq art pubblika.
L-Oppożizzjoni tisħaq li Gvern serju ma’ jistax ikollu Ministru tal-Edukazzjoni li joffri art pubbliku biex tinbena mingħajr ma jkun ikkonsulta u sema l-għajta tar-residenti u fl-istess waqt ikollu Ministru tal-Ambjent li jagħti x’jifhem lir-residenti li huwa kontra li din l-istess art pubblika tinbena.
L-Oppożizzjoni tinsisti li f’dan l-istadju l-Gvern għandu jieqaf jilgħab bir-residenti ta’ Pembroke u jistqarr b’mod ċar jekk hux beħsiebu jibqa’ għaddej bl-għoti ta’ art pubblika biex fuqha tinbena skola oħra f’Pembroke.
Gvern serju jieħu deċiżjoni waħda, maħsuba u li tkun fl-aħjar interess nazzjonali u b’mod partikolari dak tar-residenti ta’ Pembroke u mhux ikollu żewġ Ministri li jitkellmu u jaġixxu b’mod oppost għal xulxin daqs li kieku mhumiex membri tal-istess Gvern.



